Tħabbira tal-Festi 2020

Posted by on January 4, 2020 in Featured Article | 0 comments

Tħabbira tal-Festi 2020

Bħalma jsir kull sena fl-Epifanija, l-knisja tħabbrilna l-festi għas-sena 2020.

Ħuti għeżież,

f’dawn il-ġranet deher fostna s-sebħ tal-Mulej u se jibqa’ jidher sa ma jerġa’ jiġi b’setgħa u glorja kbira.

Tul is-sena kollha, flimkien mal-Knisja, aħna ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna, li jilħaq il-qofol tiegħu
fit-tlett ijiem imqaddsa tal-Għid, li fihom niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

Din is-sena l-ferħ tal-Għid il-Kbir
li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja,
se ngħixuh mal-Knisja kollha fit-12 ta’ April.

Iżda kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tistedinna biex ngħixu dan il-ferħ tal-Għid, għax kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tiċċelebra il-misteru kbir tal-fidwa tagħna u tfakkarna li l-Mulej bil-mewt tiegħu
qered il-mewt tagħna u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet tana ħajja ġdida.

Marbutin ma’ din il-festa tas-salvazzjoni tagħna hemm il-jum qaddis tal-bidu tar-Randan Imqaddes li din is-sena se niċċelebrawh fis-26 ta’ Frar; hemm it-tlugħ tal-Mulej fis-sema
li se jiġi fl-24 ta’ Mejju; hemm, fil-31 ta’ Mejju, jum Għid il-Ħamsin
li jagħlaq iż-żmien ta’ l-Għid il-Kbir tal-Mulej.

U hemm imbagħad
l-ewwel Ħadd tal-Avvent fid-29 ta’ Novembru, meta mill-ġdid mal-Knisja nibdew ngħixu l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.

Il-Knisja tħabbar ukoll il-misteru tal-Għid meta, matul is-sena, tiċċelebra l-festi tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja tal-Appostli u tal-Qaddisin fosthom San Giljan fit-30 t’Awwissu,
tal-Martri u tar-Ragħajja tal-Erwieħ u tal-Verġni,
u kull meta tagħmel it-tifkira ta’ ħutna l-mejtin,
waqt li tagħti tifħir, ġieh, glorja u radd il-ħajr
lill-Mulej Ġesù, li kien li hu, u li jibqa’ għal dejjem,
Sid iż-żminijiet u Sultan tal-Ħolqien kollu.

 

Ikkummenta