Ejjew nilqgħu b’qalb kbira lill-Papa Franġisku – Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

Posted by on February 16, 2020 in Featured Article | 0 comments

Ejjew nilqgħu b’qalb kbira lill-Papa Franġisku – Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

Għeżież,

Huwa b’ferħ kbir li lqajna l-aħbar li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku se jżur Malta fil-31 ta’ Mejju 2020, nhar Għid il-Ħamsin.

Meta f’Jannar li għadda kien qed jagħmel ir-riflessjoni tiegħu fuq is-silta mill-Atti tal-Appostli, li titkellem fuq kif l-Appostlu Missierna San Pawl wasal Malta
fin-nawfraġju, il-Papa kellu kummenti sbieħ ħafna fuq il-Maltin li laqgħu lil Pawlu u lin-nies tal-ġifen. Hu qal: “Il-Maltin huma twajba, huma ġentili, huma akkoljenti, diġà sa minn dak iż-żmien.” Sejħilna “poplu hekk qalbu tajba”.[1] Hu reġa’ kkummenta fuq din is-silta meta għamel ir-riflessjoni waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda bejn l-Insara. Il-Papa qal: “meta rifsu Malta, daqu l-ospitalità
tan-nies tal-gżira, il-ħlewwa u l-umanità tagħhom.”[2]

Bi ħlewwa liema bħalha

B’rabta ma’ din is-silta li tant laqtet lill-Papa Franġisku, it-tema magħżula għal din iż-żjara tiegħu fostna hi: “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Iż-żjara tas-suċċessur ta’ Pietru fil-gżira ta’ Pawlu għandha tgħinna biex dak li l-Kelma ta’ Alla tgħid fuqna l-Maltin ikompli jkun ta’ ispirazzjoni kontinwa f’ħajjitna.

Il-Papa Franġisku għamel din ir-riflessjoni fuq kif Pawlu u n-nies tal-ġifen intlaqgħu mill-Maltin: “F’kuntrast mal-vjolenza qalila tal-baħar f’tempesta, jirċievu x-xhieda tal-‘ħlewwa liema bħalha’ tan-nies tal-gżira. Dawn in-nies, li għalihom kienu barranin, jidhru attenti għall-ħtiġijiet tagħhom. Iqabbdulhom
in-nar biex jisħnu, joffrulhom kenn mix-xita u l-ikel x’jieklu. Imqar jekk għadhom ma rċivewx l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu, juruhom l-imħabba ta’ Alla f’għemejjel konkreti ta’ ħlewwa. Fil-fatt, l-ospitalità spontanja u l-ġesti ta’ għożża jwasslu xi ħaġa mill-imħabba ta’ Alla. U l-ospitalità tal-Maltin titħallas lura bil-mirakli ta’ fejqan li Alla jwettaq permezz ta’ Pawlu fuq il-gżira. Għalhekk, jekk in-nies ta’ Malta għall-Appostlu kienu sinjal tal-Providenza ta’ Alla, huwa wkoll kien xhud tal-imħabba ħanina ta’ Alla għalihom.”[3]

Illum, kważi elfejn sena wara din il-ġrajja, irridu nirringrazzjaw lil Alla
għall-imħabba tiegħu għalina sa mill-ewwel snin tax-xandir tal-Evanġelju u tul
l-istorja tagħna. Irridu nuru wkoll l-apprezzament tagħna lill-Papa Franġisku, u nilqgħuh u niftħu qalbna għalih biex jgħinna nagħrfu xi tfisser li ngħixu “bi ħlewwa liema bħalha” quddiem l-isfidi ta’ żmienna. Il-Papa Franġisku ġej fostna biex bil-preżenza tiegħu u bil-kelma tiegħu jħeġġiġna f’dan.

Fiż-żjara qasira, imma mimlija tifsira li se jagħmel Malta, se jkollu l-okkażjoni li jiċċelebra u jitlob mal-Maltin u mal-Għawdxin u jurina kif, ippurifikati mill-Ispirtu ta’ Alla li jnaddafna minn ħtijietna, nistgħu ngħixu f’rikonċiljazzjoni vera ma’ xulxin u nittrattaw lil xulxin b’dinjità u “bi ħlewwa liema bħalha”.

Kull ħajja umana hi prezzjuża

Hija wkoll ix-xewqa speċifika tal-Papa li jiltaqa’ mal-migranti waqt din iż-żjara, bħalma għamel f’postijiet oħra fil-Mediterran. Dan kien il-kliem tiegħu hu u jirrifletti fuq is-silta tan-nawfraġju ta’ Pawlu: “Illum, il-baħar li fuqu nnawfragaw Pawlu u sħabu għadu post perikoluż għall-ħajja ta’ baħħara oħra. Fid-dinja kollha għandna migranti rġiel u nisa li qed jaffrontaw vjaġġi riskjużi biex jaħarbu mill-vjolenza, biex jaħarbu mill-gwerra, biex jaħarbu mill-faqar. Bħal Pawlu u sħabu jġarrbu l-indifferenza, l-ostilità tad-deżert, tax-xmajjar, tal-ibħra… Tant drabi ma jħalluhomx jiżbarkaw fil-portijiet. Imma, b’xorti ħażina, xi drabi jiltaqgħu anki ma’ ostilità agħar minn hekk min-naħa tal-bnedmin. Jiġu sfruttati minn traffikanti kriminali: illum! Jiġu ttrattati bħala numri u bħala theddida minn xi mexxejja ta’ gvernijiet: illum! Xi drabi n-nuqqas ta’ ospitalità bħal mewġa jobżoqhom lejn il-faqar u l-perikli li minnhom ikunu ħarbu.” Quddiem din
is-sitwazzjoni, il-Papa jagħmel appell: “Aħna, bħala Nsara, għandna naħdmu flimkien biex nuru lill-migranti l-imħabba ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu. Nistgħu u għandna nagħtu xhieda li ma jeżistux biss l-ostilità u l-indifferenza, imma li kull persuna hi prezzjuża f’għajnejn Alla u maħbuba minnu”.[4]

Dan hu li nixtiequ nuru lill-Papa meta jiġi fostna: li għalina li nemmnu f’Ġesù Kristu kull ħajja umana hi prezzjuża u rridu nħaddnuha bi mħabba u b’tenerezza – kemm jekk għadha fil-bidu tagħha meta titnissel, kif ukoll f’kull fażi tagħha
sal-mewt naturali. Irridu nuru din l-għożża speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar dgħajfa, vulnerabbli, jew muġugħa u qed jgħajtu għall-għajnuna, u ma’ dawk li qegħdin f’riskju u f’periklu għal ħajjithom.

Xhieda ta’ fidi ħajja

Iż-żjara tal-Papa Franġisku fostna hi għalina l-Maltin u l-Għawdxin grazzja kbira li tgħinna nissaħħu fil-fidi fi Kristu ħaj – dik il-fidi li ġabilna San Pawl u li għalina hi l-aqwa teżor. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex din iż-żjara tgħinna nagħrfu kif nistgħu ngħixu din il-fidi b’konvinzjoni u nagħtu xhieda tagħha f’ħajja ta’ integrità, ta’ onestà, ta’ verità, ta’ ġustizzja u ta’ impenn soċjali, u kif nistgħu ngħaddu din
il-fidi ħajja lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Nistiednu lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha biex inħejju ruħna għal din iż-żjara tassew speċjali, l-aktar bit-talb, ħalli meta jiġi l-Papa Franġisku nilqgħuh b’ferħ u b’qalb kbira, u “bi ħlewwa liema bħalha”.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

Illum, 10 ta’ Frar 2020, Solennità tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

✠ Mario Grech
Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta

Ikkummenta