Messaġġ mill-Kappillan għax-xahar ta’ Marzu 2020

Posted by on March 8, 2020 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-Kappillan għax-xahar ta’ Marzu 2020

“Doqqu t-tromba f’Sijon! Ordnaw sawma” (Ġoel 2,15)

 

Ir-Randan jiftaħ b’ħoss li jtambar f’widnejna, hekk kif naqraw fl-ewwel qari ta’ Ras ir-Randan meħud mill-Profeta Ġoel, il-ħoss ta’ tromba li xejn ma joqgħod imelles lil widnejna, imma jordna sawma. Hu ħoss qawwi, li jixtieq inaqqas mill-għaġla tal-ħajja tagħna dejjem traxxnata, imma li spiss ma tafx fejn hi sejra sewwasew. Hi sejħa biex nieqfu – “ieqaf!” –, biex immorru għall-essenzjal, biex insumu minn dak li hu żejjed u jiddistrana.  Iqajjem lir-ruħ mir-raqda tagħha.

 

Ma’ dan id-daqq li jqajjimna mir-raqda hemm il-messaġġ li l-Mulej jgħaddilna b’fomm il-profeta, messaġġ qasir u ta’ twissija: “Erġgħu duru lejja” (Ġoel 2,12). Erġgħu duru. Jekk jeħtieġ nerġgħu nduru, dan ifisser li morna band’oħra. Ir-Randan hu ż-żmien biex insibu mill-ġdid ir-rotta ta’ ħajjitna. Għax tul il-mixja tal-ħajja, bħal f’kull mixja, dak li jiswa tassew hu li ma nitilfux il-mira tagħna. Imma meta fil-vjaġġ dak li jinteressana hu li noqogħdu nħarsu lejn il-pajsaġġ jew li nieqfu nieklu xi ħaġa, ma tantx ħa mmorru ’l bogħod. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi: fil-mixja ta’ ħajti, qiegħed infittex ir-rotta? Jew nikkuntenta ruħi li ngħix il-ġurnata, ħsiebi biss kif ħa nkun sew, kif insolvi xi problema ’l hawn u ’l hinn u niddeverti xi ftit? X’rotta għandi? Forsi nfittex li nkun f’saħħti, li ħafna llum ipoġġu l-ewwel ħaġa qabel kollox imma li llum jew għada tgħaddi wkoll? Forsi l-ġid u l-benessri? Imma aħna ma ġejniex fid-dinja għal dan. Erġgħu duru lejja, jgħid il-Mulej. Lejja. Huwa l-Mulej id-destinazzjoni tal-vjaġġ tagħna fid-dinja. Ir-rotta għandna nfassluha fuqu.

 

Biex insibu mill-ġdid ir-rotta, f’Ras ir-Randan għandna sinjal: l-irmied fuq rasna. Hu sinjal li jgħinna naħsbu x’għandna f’rasna. Ħsibijietna spiss jiġru wara ħwejjeġ li jgħaddu, li jiġu u jmorru. Il-ftit irmied li se nirċievu qiegħed hemm biex jgħidilna, bil-ħlewwa u bil-verità: mill-ħafna affarijiet li għandek f’rasek, li tiġri warajhom u titħasseb fuqhom kuljum, mhu ħa jibqa’ xejn. Titħabat kemm titħabat, mill-ħajja m’inti se tieħu miegħek ebda għana. Ir-realtajiet ta’ din l-art jiġu fix-xejn, bħat-trab li jtir mar-riħ. Il-ġid hu proviżorju, il-poter jgħaddi, is-suċċess jgħib taħt ix-xefaq. Il-kultura tad-dehra, li llum hi dominanti, li twassalna biex ngħixu għall-ħwejjeġ li jgħaddu, hi ingann kbir. Għax hi bħal vampa: meta tgħaddi, jibqa’ biss l-irmied. Ir-Randan hu ż-żmien biex ninħelsu mill-illużjoni li ngħixu niġru wara l-irmied. Ir-Randan ifisser niskopru mill-ġdid li aħna magħmulin għal dak in-nar li dejjem iħeġġeġ, u mhux għall-irmied li malajr jintefa; għal Alla, u mhux għad-dinja; għall-eternità tas-Sema, mhux għall-qerq ta’ din l-art; għal-libertà ta’ wlied, mhux għall-jasar tal-ħwejjeġ. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: fuq liema naħa ninsab? Qed ngħix għan-nar jew għall-irmied?

 

F’dan il-vjaġġ lura għall-essenzjal li hu r-Randan, il-Vanġelu jipproponilna tliet tappi, li l-Mulej jitlobna nwettqu bla ipokrezija, bla ma noqogħdu nagħmlu tabirruħna: il-karità, it-talb, is-sawm. Għal xiex jiswew dawn? Il-karità, it-talb u s-sawm iwassluna għall-uniċi tliet realtajiet li ma jgħibux fix-xejn. It-talb jerġa’ jorbotna ma’ Alla; il-karità mal-proxxmu; is-sawm magħna nfusna. Alla, ħuti, ħajti: dawn huma r-realtajiet li ma jispiċċawx fix-xejn, li hemm bżonn ninvestu fihom. Hawn jistedinna nħarsu r-Randan: lejn l-Għoli, bit-talb, li jeħlisna minn ħajja orizzontali, ċatta, fejn insibu ħin għall-jien imma ninsew lil Alla. U mbagħad lejn l-oħrajn, bil-karità, li teħlisna mill-vanità ta’ min għandu ħafna, ta’ min jaħseb li kollox sejjer sew fid-dinja jekk sejjer sew għalih. Fl-aħħar nett, jistedinna nħarsu ġo fina, bis-sawm, li jeħlisna mir-rabtiet żejda mal-affarijiet, mill-mondanità li tmewwet il-qalb. Talb, karità, sawm: tliet investimenti għal teżor li jibqa’.

 

Fejn ħa nsammru ħarsitna tul il-mixja tar-Randan? Sempliċi: fuq il-Kurċifiss. Ġesù msallab hu l-boxxla ta’ ħajjitna, li torjentana lejn is-Sema. Il-faqar tal-għuda, is-skiet tal-Mulej, it-tneżżigħ tiegħu għall-imħabba tagħna juruna l-ħtieġa ta’ ħajja iżjed sempliċi, ħielsa mit-taħbit żejjed għall-ħwejjeġ ta’ din l-art. Ġesù mis-salib jgħallimna l-kuraġġ qawwi taċ-ċaħda. Għax mgħobbija b’toqol żejjed m’aħna ħa nimxu qatt ’il quddiem. Għandna bżonn ninħelsu minn taħt difrejn il-konsumiżmu u mir-rabtiet tal-egoiżmu, li rridu dejjem iżjed, li m’aħna qatt kuntenti, tal-qalb magħluqa għall-ħtiġijiet tal-fqir. Ġesù, li fuq l-għuda tas-salib hu mkebbes bl-imħabba, isejħilna għal ħajja mkebbsa bih, li ma tintilifx qalb l-irmied tad-dinja; ħajja mkebbsa bl-imħabba u li ma tintefiex fil-medjokrità. Diffiċli ngħixu kif qed jitlobna hu? Iva, diffiċli, imma dan iwassalna fid-destinazzjoni. Dan jurihulna r-Randan. Jibda bl-irmied, imma fl-aħħar iwassalna għan-nar tal-lejl tal-Għid; biex niskopru li, fil-qabar, il-ġisem ta’ Ġesù ma jsirx irmied, imma jqum glorjuż. Dan jgħodd għalina wkoll, li aħna rmied: jekk nerġgħu lura bid-dgħufijiet tagħna għand il-Mulej, jekk naqbdu t-triq tal-imħabba, għad inħaddnu dik il-ħajja li ma tintemm qatt.

Fr Claude

Ikkummenta