Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Posted by on May 8, 2020 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Qari I

Għażlu sebat irġiel mimlijin bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 6, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.

Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma”.

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom

fuqhom. U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 1-2.4-5.18-19

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Qari II

Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali.

1 Piet 2, 4-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, ersqu lejn il-Mulej, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura: “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża; min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad”.

Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux, din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, ġebla ta’ tiġrif u tfixkil. Tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla. Għal dan kienu ddestinati. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;

ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Ġw 14, 1-12

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta