JUM INTERNAZZJONALI TAL-FAMILJA 15 TA’ MEJJU 2020

Posted by on May 14, 2020 in Featured Article, Kummisjoni Familja | 1 comment

JUM INTERNAZZJONALI TAL-FAMILJA  15 TA’ MEJJU 2020

Il-Ġnus Magħquda kienet iddikjarat fil-1993 li kull 15 ta’ Mejju jkun jum li titfakkar l-importanza tal-familja fl-umanita għal aktar solidarjeta soċjali u soċjeta sħiħa u serena.  Minn 1996 il-Ġnus Magħquda iffissat tema differenti kull sena għall-familja: din is sena 2020 it-tema hija “Il-Familji fi Żvilupp”.

L-iskop ta’ din it-tema, skont il-Ġnus Magħquda  huwa biex isir enfasi fiż-żmien il-pandemija tal-Covid-19, kemm il-familji tagħna huma importanti u kemm ifissru għalina.  Forsi mingħajr ma tajna kas, u anke forsi b’ aljenazzjoni,  il-ħajja qabel il-pandemija kienet xelfet l-iskop veru ta’ familja u ħonqot l-iżvillupp tagħha biex b’hekk iddgħajjfet u magħha konsegwetament iddgħajjfet is-soċjeta.  Il-pandemija wriet li l-familja hija l-post fejn taqsam id-dwejjaq tiegħek, itaffi ftit l-uġigħ u l-ansjeta, u fejn issib sapport u faraġ.  Il-familja huwa l-lok fejn tista tissielet kontra il-beżgħat soċjali u individwali f’ mumenti iebsin iżda anke fejn taqsam il-ferħ ma’ min verament iħobbok.

Huwa fatt li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet disastru fis-sistemi tal-ekonomija soċjali u forsi kemm se jkun kbir dan l-iskoss għadna ma nafuhx sew. Iżda ġabetna wkoll nirrejaliżżaw il-valur kbir tal-familja fi żmien meta donnu kollox kien qed jinqaleb ta’ taħt fuq f’ dinja mgħaġġla u bla nifs.  Ġabet lura l-attenzjoni ta’ dar b’ erbgħa ħitan fejn il-membri tal-familja setgħu jerġu jiltaqaw u jitkellmu flimkien, jaqsmu ħsiebijiethom ma’ xulxin u anke jagħmlu xi attivitajiet flimkien.  Meta fid-dinja kollha konna qed niġu mogħtija parir biex ma nitħalltux ma’ nies oħra, biex inżommu l-bogħod distanzi soċjali anke meta noħorġu nixtru, fil-familja stajna nibqgħu ingawdu lil xulxin.

Il-pandemija ġabet ħafna uġigħ fil-familji tagħna: speċjalment jekk tlifna lil xi ħadd għażiż għalina u lanqas biss stajna nattendu l-funeral; jew jekk kellna noqgħodu il-bogħod minn xi ħadd li nħobbu bħal nanniet u neputijiet.  Qed naħseb ukoll f’ dawk li kienu involuti fis-servizzi mediċi li ma setgħux jirritornaw id-dar mal-familja biex jipproteġu lil dawk li jħobbu.  Iżda il-pandemija tatna l-opportunita wkoll  li nergħu nagħtu valur lil familja qabel kien ikun tard wisq.  Il-familja reġgħet qiegħda fi żvillupp biex tiskopri u ssaħħaħ lilha nnifisha.

1 Comment

  1. Artiklu interessanti. Issa ic cans li familja tqatta ftit hin jilghabu xi loghba flimkien

Ikkummenta