Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on August 21, 2020 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Inqiegħed fuq spallejh il-muftieħ tad-dar ta’ David.Is 22, 19-23

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan:

“Inwarrbek minn postok,

u nneħħik minn fejn qiegħed.

Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi

Eljakim, bin Ħilkija,

inlibbsu l-libsa tiegħek,

u nħażżmu bit-terħa tiegħek,

u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek.

U jkun missier għal min jgħammar f’Ġerusalemm,

u għad-dar ta’ Ġuda.

Inqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.

Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;

jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.

U nwaħħlu bħal musmar ma’ ħajt fis-sod,

u jkun tron glorjuż għal dar missieru”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc

R/. (8b): It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet

quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem. R/.

Qari II

Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.

Rum 11, 33-36

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla!

Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!

Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?

Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?

Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?

Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.

Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 16, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,

u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Inti Pietru: jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 16, 13-20

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.

“Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.

Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta