STQARRIJA TAL-KONFERENZA EPISKOPALI MALTIJA– 12/09/14

 

TALB GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

Fi ftit ġimgħat oħra,Isqfijiet minn madwar id-dinja kollha ser jiltaqgħu Ruma għas-Sinodu Straordinarju dwar‘l-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġeliżazzjoni’,li ser isir bejn il-5 u d-19 ta’ Ottubru li ġej.  Dan ser ikun mument qawwi għall-Knisja kollha u għaldaqstant kull Nisrani hu msejjaħ biex jissieħeb u jagħti sehmu.  Peress li fuq kollox din il-laqgħa tal-Isqfijiet ser tkun mument qawwi ta’talb, il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ biex nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru 2014,l-Insara tad-dinja kollha jingħaqdu qalb waħda u ruħ waħda fit-talb bi tħejjija għal dan is-Sinodu.Ilkoll għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jdawwal il-qlub tar-ragħajja  tal-Knisja  sabiex  il-Vanġelu  tal-Familja  jerġa’  jinstema’  bħala  ‘b’xara  tajba’ għall-bnedmin kollha fi żminijiet fejn il-familja tinsab għaddejja minn bosta diffikultajiet.

Għalhekk,inħeġġu lill-Insara tal-gżejjer tagħna biex ningħaqdu flimkien u nagħmlu talba ħerqana lil Alla ħalli bħala Knisja nkunu nistgħu nwieġbu għall-isfidi pastorali li qed jiltaqgħu magħhom il-familji fi żmienna.  Inħeġġu sabiex fil-komunitajiet parrokkjali u fid-djar tagħna, kemm nhar it-28   ta’   Settembru   kif   ukoll   fil-ġranet   ta’   qabel   u   ta’   waqt   is-Sinodu,   tingħad it-talba annessa li l-Papa kiteb lill-Familja Mqaddsa u jsir talb speċjali għal din il-laqgħa. Ikkunsidrat li   x-xahar   ta’   Ottubru   huwa   x-xahar   tar-Rużarju,   inħeġġu   lill-Insara, partikularment lill-familji, biex jgħidu t-talba tar-Rużarju.

Nitolbu għalhekk bl-interċessjoni tal-Familja Mqaddsata’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, sabiex dan is-Sinodu jkun mument ta’ grazzja u tiġdid għall-Knisja u għall-familji tad-dinja kollha.

 

MARIO GRECH                                                       PAWLU CREMONA O.P.

Isqof ta’ Għawdex                                                 Arċisqof ta’ Malta

President tal-Konferenza Episkopali

 

CHARLES J.SCICLUNA

Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta

 

 

Ġesù,Marija,Ġużeppi,

Fikom aħna nikkontemplaw

il-ġmiel tal-imħabba vera,

lejkom induru b’fiduċja sħiħa.

 

 

Familja Mqaddsa ta’ Nazaret

Agħmel li l-familji tagħna

Jkunu mkejjen ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb,

Skejjel veri tal-Evanġelju,

U knejjes żgħar fid-djar tagħna.

 

Familja Mqaddsa ta’ Nazaret

Żomm bogħod mill-familji tagħna

kull vjolenza,rifjut u firdiet:

u agħmel li dawk li sfaw mweġġgħin jew skandalizzati,

isibu faraġ u fejqan.

 

Familja Mqaddsa ta’ Nazaret

Għin lis-Sinodu tal-isqfijiet li ser jiltaqa’

biex jerġa’ jfakkarna fil-qdusija,

fil-ħarsien bla mittiefes tal-familja,

u fis-sbuħija tagħha skont il-pjanta’ Alla.

 

Ġesù,Marija,Ġużeppi,

Isimgħu u ilqgħu din it-talba tagħna.

Ammen.

TALB TAL-FIDILI

Miġburin bħala l-familja t’Alla ngħollu ħsibijietna u qlubna lejn il-Missier biex il-familji tagħna msaħħin mill-grazzja ta’ Kristu, ikunu tassew knejjes ċkejkna fid-dar, fejn dawk li jgħixu fihom jagħtu xhieda tal-imħabba ta’Alla.

Ngħidu flimkien: Bierek Mulej u qaddes il-familji tagħna.

1       Għall-Papa Franġisku li l-Mulej sejjaħlu biex imexxi l-Knisja tiegħu bl-imħabba, ħalli jgħinu biex iseddaq l-għaqda bejn l-isqfijiet u fost il-Poplu kollu ta’ Alla. Nitolbu.

2          Għall-mexxejja tan-nazzjonijiet biex l-Ispirtu s-Santu jnebbaħhom ifasslu politika li ġġib ’il  quddiem  il-valur tal-familja bħala ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà  skont il-pjan t’Alla, u biex jgħinu lill-familji fil-bżonn. Nitolbu.

3          Għall-familji Nsara, biex il-Mulej li ssiġilla l-għaqda tagħhom bil-preżenza tiegħu waqt iż-żwieg tagħhom, jagħmilhom ċenakli ta’ talb u komunitajiet ħajja ta’ mħabba, fuq l-eżempju tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Nitolbu.

4         Għall-miżżewġin li bħalissa għaddejjin minn diffikultajiet biex Alla, għani fil-ħniena, ikunu preżenti fosthom permezz tal-Knisja omm, li turihom li qed tifhimhom u tgħinhom biex jaslu għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Nitolbu.

5          Għat-tfal, li Sid il-ħajja laqagħhom bil-ferħ u għamilhom xempji għal min irid jidħol fis-saltna   tiegħu,   biex   għall-ħarsien   tagħhom   nagħrfu   nirrispettaw  il-ħajja   sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha u nipprovdulhom trobbija bbażata fuq valuri Nsara. Nitolbu.

6          Għaż-żgħażagħ biex il-Mulej, li bierek it-tieġ ta’ Kana, jgħinhom jagħrfu s-sbuħija tal-qdusija tal-familja skont il-pjan t’Alla, u jieqaf mal-għarajjes fil-mixja tagħhom lejn iż-żwieġ Nisrani. Nitolbu.

O Alla li tibqa’ tħares l-opri ta’ jdejk, isma’ t-talb tagħna u ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli jdawwal lill-Knisja waqt dan is-Sinodu, biex tikkontempla s-sbuħija tal-imħabba safja li tidher fil-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Għamel Mulej li l-Knisja titgħallem il-libertà u l-ubbidjenza biex twieġeb bil-qawwa u bil-ħniena għall-isfidi li għandhom quddiemhom il-familji fid-dinja tal-lum. Bi Kristu Sidna.  Ammen