Messaġġ mill-Kappillan għax-xahar ta’ Marzu 2020

Messaġġ mill-Kappillan għax-xahar ta’ Marzu 2020

“Doqqu t-tromba f’Sijon! Ordnaw sawma” (Ġoel 2,15)   Ir-Randan jiftaħ b’ħoss li jtambar f’widnejna, hekk kif naqraw fl-ewwel qari ta’ Ras ir-Randan meħud mill-Profeta Ġoel, il-ħoss ta’ tromba li xejn ma joqgħod imelles lil widnejna, imma jordna sawma. Hu ħoss qawwi, li jixtieq inaqqas mill-għaġla tal-ħajja tagħna dejjem traxxnata, imma li spiss ma tafx fejn hi sejra sewwasew. Hi sejħa biex nieqfu – “ieqaf!” –, biex immorru għall-essenzjal, biex insumu minn dak li hu żejjed u jiddistrana.  Iqajjem lir-ruħ mir-raqda tagħha.   Ma’ dan id-daqq li jqajjimna mir-raqda hemm il-messaġġ li l-Mulej jgħaddilna b’fomm il-profeta, messaġġ qasir u ta’ twissija: “Erġgħu duru lejja” (Ġoel 2,12). Erġgħu duru. Jekk jeħtieġ nerġgħu nduru, dan ifisser li morna band’oħra. Ir-Randan hu ż-żmien biex insibu mill-ġdid ir-rotta ta’ ħajjitna. Għax tul il-mixja tal-ħajja, bħal f’kull mixja, dak li jiswa tassew hu li ma nitilfux il-mira tagħna. Imma meta fil-vjaġġ dak li jinteressana hu li noqogħdu nħarsu lejn il-pajsaġġ jew li nieqfu nieklu xi ħaġa, ma tantx ħa mmorru ’l bogħod. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi: fil-mixja ta’ ħajti, qiegħed infittex ir-rotta? Jew nikkuntenta ruħi li ngħix il-ġurnata, ħsiebi biss kif ħa nkun sew, kif insolvi xi problema ’l hawn u ’l hinn u niddeverti xi ftit? X’rotta għandi? Forsi nfittex li nkun f’saħħti, li ħafna llum ipoġġu l-ewwel ħaġa qabel kollox imma li llum jew għada tgħaddi wkoll? Forsi l-ġid u l-benessri? Imma aħna ma ġejniex fid-dinja għal dan. Erġgħu duru lejja, jgħid il-Mulej. Lejja. Huwa l-Mulej id-destinazzjoni tal-vjaġġ tagħna fid-dinja. Ir-rotta għandna nfassluha fuqu.   Biex insibu mill-ġdid ir-rotta, f’Ras ir-Randan għandna sinjal: l-irmied fuq rasna. Hu sinjal li jgħinna naħsbu x’għandna f’rasna. Ħsibijietna spiss jiġru wara ħwejjeġ li jgħaddu, li jiġu u jmorru. Il-ftit irmied li se nirċievu qiegħed hemm biex jgħidilna, bil-ħlewwa u bil-verità: mill-ħafna affarijiet li għandek f’rasek, li tiġri warajhom u titħasseb fuqhom kuljum, mhu ħa jibqa’ xejn. Titħabat kemm titħabat, mill-ħajja m’inti se tieħu miegħek ebda għana. Ir-realtajiet ta’ din l-art jiġu fix-xejn, bħat-trab li jtir mar-riħ. Il-ġid hu proviżorju, il-poter jgħaddi, is-suċċess jgħib taħt ix-xefaq. Il-kultura tad-dehra, li llum hi dominanti, li twassalna biex ngħixu għall-ħwejjeġ li jgħaddu, hi ingann kbir. Għax hi bħal vampa: meta tgħaddi, jibqa’ biss l-irmied. Ir-Randan hu ż-żmien biex ninħelsu mill-illużjoni li ngħixu niġru wara l-irmied. Ir-Randan ifisser niskopru mill-ġdid li aħna magħmulin għal dak in-nar li dejjem iħeġġeġ, u mhux għall-irmied li malajr jintefa; għal Alla, u mhux għad-dinja; għall-eternità tas-Sema, mhux għall-qerq ta’ din l-art; għal-libertà ta’ wlied, mhux għall-jasar tal-ħwejjeġ. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: fuq liema naħa ninsab? Qed ngħix għan-nar jew għall-irmied?   F’dan il-vjaġġ lura għall-essenzjal li hu r-Randan, il-Vanġelu jipproponilna tliet tappi, li l-Mulej jitlobna nwettqu bla ipokrezija, bla ma noqogħdu nagħmlu tabirruħna: il-karità, it-talb, is-sawm....

Read More

Betlehem

Betlehem

Ġużeppi, flimkien ma’ martu Marija, tela’ “fil-belt ta’ David jisimha Betlehem” (Lq 2:4) Betlehem: l-isem ifisser dar il-ħobż. F’din id-“dar” il-Mulej illum qed jagħti appuntament lill-umanità. Hu jaf li għandna bżonn tal-ikel biex ngħixu. Imma jaf ukoll li l-ikel kollu ta’ din id-dinja ma jista’ qatt jaqta’ l-ġuħ tal-qalb. Fl-Iskrittura, id-dnub oriġinali tal-umanità hu assoċjat proprju ma’ li wieħed jieħu l-ikel: “ħadet mill-frott u kielet”, jgħid il-ktieb tal-Ġenesi (3:6). Ħadet u kielet. Il-bniedem sar rgħib u miklub għall-ġid. Ħafna jfittxu s-sens tal-ħajja f’li jkollhom, f’li jimtlew bil-ġid. L-istorja tal-bnedmin hi mmarkata minn din il-kilba li ma xxabbagħha b’xejn, sal-paradossi ta’ żmienna, meta l-ftit jieklu fil-lussu u l-ħafna ma għandhomx ħobż biex jgħixu.   Betlehem hi l-post fejn tinbidel id-direzzjoni tal-istorja. Hemm Alla, fid-dar tal-ħobż, jitwieled f’maxtura. Bħallikieku jrid jgħidilna: Arawni, ġejt bħala ikel tagħkom. Ma jieħu xejn, anzi joffrilna x’nieklu; ma jagħtiniex xi ħaġa, imma lilu nnifsu. F’Betlehem niskopru li Alla mhuwiex xi ħadd li jieħu l-ħajja, imma Dak li jagħtiha. Lill-bniedem, imdorri sa minn għeruqu jieħu f’idejh u jiekol, Ġesù jgħidlu: “Ħudu u kulu. Dan huwa ġismi” (Mt 26:26). Il-ġisem ċkejken tat-Tarbija ta’ Betlehem qed tniedi xempju ta’ ħajja ġdida: tiblax u tikkapparrax, imma aqsam u agħti. Alla jiċċekken biex isir l-ikel tagħna. Jekk nitrejqu bih, Ħobż tal-ħajja, nistgħu nitwieldu mill-ġdid fl-imħabba u nkissru ċ-ċirku vizzjuż tar-regħba u tal-kilba għall-ġid.  Minn “dar il-ħobż”, Ġesù jreġġa’ lura lill-bniedem f’daru, biex isir qarib ta’ Alla tiegħu u ħu l-proxxmu tiegħu. Quddiem il-maxtura, nifhmu li dak li jitma’ l-ħajja mhuwiex il-ġid, imma l-imħabba; mhix il-kilba għall-ġid, imma l-karità; mhix l-abbundanza biex noqogħdu niddandnu biha, imma s-sempliċità biex inħarsuha.   Il-Mulej jaf li għandna bżonn ta’ kuljum li nieklu. Għalhekk kull jum ta’ ħajtu offra ruħu lilna, mill-maxtura ta’ Betlehem saċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm. U llum mill-ġdid fuq l-altar isir Ħobż maqsum għalina: iħabbat fuq il-bieb tagħna biex jidħol u jiekol magħna (ara Apok 3:20). Fil-Milied nirċievu fuq l-art lil Ġesù, Ħobż tas-Sema: hu ikel li ma jaqta’ qatt, imma jagħtina li ntiegħmu minn issa l-ħajja ta’ dejjem.   F’Betlehem niskopru li l-ħajja ta’ Alla tiġri fil-vini tal-umanità. Jekk nilqgħuha, l-istorja tinbidel ibda minn kull wieħed u waħda minna. Għax meta Ġesù jibdel il-qalb, iċ-ċentru tal-ħajja ma jibqax il-jien tiegħi mġewwaħ u egoista, imma jsir Hu, li jitwieled u jgħix għall-imħabba. Imsejħin illejla biex nitilgħu Betlehem, dar il-ħobż, ejjew nistaqsu: liema hu l-ikel tal-ħajja tiegħi, li ma nistax ngħaddi mingħajru? Huwa l-Mulej jew xi ħaġa oħra? Imbagħad, waqt li nidħlu fil-grotta, u nilmħu fil-faqar ħelu tat-Tarbija fwieħa ġdida ta’ ħajja, dik tas-sempliċità, nistaqsu: veru li għandi bżonn ta’ ħafna affarijiet, ta’ riċetti kkumplikati biex ngħix? Jirnexxieli ngħaddi mingħajr tant kontorni superfiċjali, biex nagħżel ħajja iżjed sempliċi?  F’Betlehem, quddiem Ġesù, nilmħu nies li mxew, bħal Marija, Ġużeppi u...

Read More

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem.  Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut.  Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla. Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35).  Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan.  Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid.  Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda.  L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.  Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż.  Issa min hu dan tal-lukanda?  Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu. Dan il-mandat hu mtenni b’mod espliċitu u preċiż fl-Ittra ta’ Ġakbu, fejn jirrikkmanda: “Hemm xi ħadd marid fostkom?  Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu” (5:14-15).  Mela din hi prassi li diġà kienet b’saħħitha fi żmien l-Appostli.  Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skond is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament.  Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan.  Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna. Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax inbeżżgħu lil marid, ma nċemplulu xejn”…  Għaliex naħsbu hekk?  Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral.  U dan m’hux minnu.  Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda.  Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”.  Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih...

Read More

Messaġġ mill-kappillan għax-xahar t’Ottubru

Messaġġ mill-kappillan għax-xahar t’Ottubru

Mhux biżżejjed inkunu Nsara tajbin, jeħtieġ nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù Il-qalba tal-misteru ta’ Ġesù Kristu hi li Hu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. Tajjeb li mmorru l-quddies u nitolbu, biex inkunu Nsara tajbin, imma l-kwistjoni ċentrali hi jekk aħna dħalniex fil-misteru ta’ Ġesù Kristu. Fl-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, l-Appostlu juża d-dnub, id-diżubbidjenza, il-grazzja, il-maħfra biex jgħinna nifhmu li wara dan kollu hemm storja ta’ salvazzjoni. Iżda minħabba li m’hemmx kliem biżżejjed li bih nistgħu nispjegaw lil Kristu, San Pawl jixprunana, għax aħna nitfixklu quddiem il-misteru ta’ Kristu. Dal-kliem hu biss passi mill-mixja biex nidħlu fil-misteru, li mhux faċli tifhmu. Li nifhmu x’inhu Ġesù Kristu għalija, għalik, għalina, ifisser li nidħlu fil-misteru tiegħu. Jista’ jkun hemm min hu lest li jagħti ħajtu għal xi ħadd tajjeb imma kien Kristu biss li ta ħajtu għalija, midneb. B’dal-kliem San Pawl irid jgħinna nidħlu fil-misteru ta’ Kristu, li mhux faċli imma hu grazzja. Dan ma fehmuhx biss il-qaddisin kanonizzati imma bosta qaddisin oħra moħbija fil-ħajja ta’ kuljum, bnedmin umli li daħlu fil-misteru u ttamaw bis-sħiħ fil-Mulej. Daħlu fil-misteru ta’ Ġesù msallab – bluha, jgħidilna San Pawl, u jżid jgħid li hu jiftaħar biss bi dnubietu u bis-salib ta’ Kristu. Għalhekk meta mmorru l-quddies aħna nafu li Hu jinsab fil-Kelma u jiġi jiltaqa’ magħna. Imma dan mhux biżżejjed biex nidħlu fil-misteru. Il-misteru hu ħafna aktar minn hekk. Il-misteru hu li nintelqu fl-abbiss tal-ħniena li ma tistax titfisser bil-kliem: hi biss tgħanniqa ta’ mħabba, l-imħabba li wasslitu jmut għalina. Meta mmorru nqerru dnubietna u nitolbu maħfra, inħossuna kalmi u ferħanin. Iżda dan mhux biżżejjed biex nidħlu fil-misteru ta’ Kristu. Meta mmur inqerr, immur niltaqa’ma’ Ġesù, nidħol fit-tgħanniqa ta’ maħfra li jgħidilna dwarha Pawlu: ir-rigal tal-maħfra. Meta jistaqsuna: Min hu Ġesù għalik?, tista’ twieġeb li hu Iben Alla, tgħid il-Kredu, tkun taf il-Katekiżmu kollu, iżda mbagħad naslu f’punt meta ma nkunux nistgħu ngħidu li ċ-ċentru tal-misteru ta’ Ġesù Kristu huwa li Hu ħabbni, ta lilu nnifsu għalija. Il-misteru ta’ Ġesù mhux suġġett tal-istudju għax lil Ġesù nifhmuh biss bil-grazzja. Il-Via Sagra tgħinna nifhmu aktar dan għax hi mixja ma’ Ġesù fil-waqt li fih itina t-tgħanniqa tal-maħfra u l-paċi. Tajjeb ukoll li nagħmlu l-Via Sagra fi djarna u naħsbu dwar il-Passjoni tal-Mulej. Il-qaddisin il-kbar kollha jgħidulna li aħna nibdew il-ħajja spiritwali tagħna bil-laqgħa mal-misteru ta’ Ġesù msallab. Santa Tereża kienet tgħid lis-sorijiet biex jitolbu bil-kontemplazzjoni u t-talba l-aktar għolja kienet tibdieha bil-meditazzjoni dwar il-Passjoni tal-Mulej. Hi qalbi li trid tipprova tifhem li Hu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija bil-mewt fuq is-salib. Dan hu li jrid jispjegalna San Pawl, li jrid idaħħalna fl-abbiss tal-misteru ta’ Kristu. Nista ngħid li jien Nisrani tajjeb għax immur il-quddies il-Ħadd, nagħmel opri ta’ ħniena, nitlob, ngħallem u nrabbi lil uliedi tajjeb....

Read More

Il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja

Il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja

Il-melħ jagħti t-togħma lill-ikel u d-dawl ma jdawwalx lilu nnifsu. Daqstant hi sempliċi x-xhieda li għandu jagħti n-Nisrani lill-oħrajn bla ma joqgħod jiftaħar bil-merti tiegħu, l-akbar xhieda li jista’ jagħti n-Nisrani hi li jagħti ħajtu bħalma għamel Ġesù, jiġifieri l-martirju. Iżda hemm xhieda oħra, dik tal-ħajja ta’ kuljum, li tibda minn filgħodu, mal-qawmien, u tintemm billejl meta mmorru norqdu. Tidher xi ħaġa bla wisq importanza, iżda l-Mulej bl-affarijiet żgħar jagħmel il-mirakli, iwettaq il-meravilji. Għalhekk jeħtieġ li jkollna atteġġjament ta’ umiltà li fil-fatt ifisser li nfittxu dejjem inkunu melħ u dawl. Melħ u dawl għall-oħrajn għax il-melħ ma jagħtix it-togħma lilu nnifsu, imma qiegħed hemm biex jagħti t-togħma lil xi ħaġa oħra. Ftit melħ jgħin fl-ikel. Fil-fatt, mill-ħanut ma tixtrix il-melħ bil-qnatar, tixtri ftit għax ikun biżżejjed. Bl-istess mod il-melħ ma joqgħodx jitkabbar bih innifsu, għax waħdu ma jiswa għal xejn. Dejjem qiegħed hemm biex jaqdi lil xi ħaġa oħra. Li tkun Nisrani fil-ħajja ta’ kuljum, għalhekk, ifisser li tkun ukoll bħad-dawl, tkun għan-nies bħad-dawl li qiegħed hemm biex jgħinna fid-dlam. Il-Mulej jgħidilna, ‘Int il-melħ, int id-dawl.’ Hekk hu, Mulej. Iżda meta nkunu qed nieklu, aħna ma ngħidux: ‘Kemm hu tajjeb il-melħ!’ iżda, ‘Kemm hu tajjeb l-ikel!’ U meta filgħaxija mmorru norqdu, ma ngħidux, ‘Kemm hu tajjeb id-dawl,’ anzi d-dawl ninjorawh għax ngħixu bid-dawl li jdawwal verament. B’hekk aħna l-Insara niksbu d-dimensjoni li fil-ħajja nkunu anonimi. Aħna m’aħniex il-protagonisti tal-merti tagħna, u għalhekk m’għandniex nagħmlu bħall-fariżew li mar jirringrazzja lil Alla għax kien jidhirlu li hu qaddis. Talba sabiħa fi tmiem il-jum, tista’ tkun: ‘Illum kont melħ? Illum kont dawl?’ Din hi l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum. Jalla l-Mulej jgħinna biex dan nifhmuh sewwa.   Fr Claude...

Read More

Waslet il-Festa

Waslet il-Festa

F’dawn ix-xhur ta’ festi l-irħula u l-bliet Maltin jilbsu libsa differenti għal ftit jiem. Libsa li hija waħda festiva u kulurita. Libsa li ħafna huma dawk li jkunu qed jaħdmu ghaliha matul ix-xhur tas-sena qabel ma tasal il-ġimgha tant mistennija tal-festa. Ta min jibda jsaqsi jekk dawn il-jiem tal-festi li jiġu u jmorru daqs żiffa riħ humiex qed iħallu impatt pożittiv fil-bniedem li jemmen. Hija rejalta, sfortunatament, li l-festi Maltin saru vetrina tal-kultura u l-arti pero’ mhux daqstant tal-fidi nisranija. Huwa fatt magħruf u aċċettat li l-festi esterni f’ħafna mill-parroċċi Maltin qed jikbru filwaqt li l-attivitajiet hekk imsejħa ta’ ġewwa qed ibattu. Qed tingħata ħafna importanza u enerġija lil dak li jidher, lil dak li huwa l-qoxra ta’ barra imma mhux lis-sustanza, dak li huwa essenzjali. Ma nafx kemm hawn nies li jiġu jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġiljan u jafu tassew il-ħajja ta’ dan il-qaddis jew inkella x’inhuma l-virtujiet li jiddistingwu lil dan il-qaddis. Forsi jaslu biex jgħidu li qatel lil missieru u lil ommu imma jieqfu s’hemm. Ir-raġunijiet l-għalfejn sar qaddis jibqgħu mistura. Fl-istess waqt aħna msejħin ukoll li nimitaw dawn il-virtujiet sabiex b’hekk inkunu qed ngħatu ġieħ tassew lill-qaddis patrun tagħna. Il-festa f’ġieħ il-qaddis qiegħda hemm sabiex aħna li qegħdin nimxu f’dan il-pellegrinaġġ terren ikollna wkoll eżempji idejali fuq xiex nibbażaw il-ħajja u l-għażliet kostanti li ġġib magħha. Huwa kunċett żbaljat għall-aħħar li wieħed jaħseb li l-festa tiġi biss biex niltaqgħu flimkien nixorbu u ngħaddu siegħa żmien nitpaxxew bin-nar sabiħ fil-bajja ta’ Spinola. Hemm bżonn urġenti li niskopru l-għeruq vera tal-festa Maltija f’ġieħ il-qaddisin li l-parroċċi tagħna qed jipproponulna bħala xhieda awtentika tal-Evanġelju u eżempju konkret li nistgħu nibnu l-ħajja nisranija fuqu. Ma nistgħux naqgħu fin-nasba li dawn il-festi nirriduċuhom f’xalata ta’ paganiżmu sfrenat u minflok ma jkunu ta’ xhieda għaż-żgħar tagħna u għall-barranin qed iservu f’xi ċirkostanzi bħala okkażjoni ta’ skandlu. Dawk li tassew għandhom għal qalbhom il-Patrun tagħna San Ġiljan għandhom jieħdu l-ġimgħa tal-festa bħala opportunita’ oħra fejn ngħatu xhieda tal-imħabba lejn dan il-qaddis mhux bil-kliem u ċ-ċapċip imma bil-fatti konkreti. Tkun tassew festa xierqa lill-qaddis patrun tagħna San Ġiljan jekk niskopru mill-ġdid il-virtujiet li ħaddan hu wara l-konverżjoni tiegħu u ngħixuhom llkoll kemm aħna li nħobbuh, biex dak li nkanataw fl-Innu Popolari lil San Ġiljan “qima kbira b’hekk nuruk” ma jkunx kliem biss imma jissarraf f’azzjoni konkreta dejjiema.   Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.   Fr Claude...

Read More