Daħla fuq il-parroċċa ta’ San Ġiljan

Il-Parroċċa ta’ San Ġiljan hija parroċċa tal-fuq minn mitt sena li żviluppat bil-kbir f’dawn l-aħħar snin. Illum nistgħu ngħidu li tħaddan bejn 9 u 10 elf ruħ. Mhux faċli tagħti servizz lill-komunita’ hekk kbira bi ftit saċerdoti. Dan ifisser li għandna bżonn akbar li nagħtu formazzjoni lill-lajċi biex huma min-naħa tagħhom iwasslu l-messaġġ tal-Vanġelu fis-setturi kollha tal-parroċċa tagħna.

Knisja Parrokjali San Ġiljan

Kull parroċċa hija differenti minn oħra u għandha l-karatteristiċi tagħha li ma ssibhomx f’parroċċi oħra. Il-parroċċa ta’ San Ġiljan għandha l-identita’ tagħha li tiddistingwiha minn parroċċi ohra. Iżda l-iskop ewlieni għandu jkun li ninbnew bħala komunita’ Ġiljaniża. Għalkemm tibqa’ rrispettata l-individwalita’ ta’ kull persuna, ilkoll għandna nħabirku biex naħdmu flimkien għall-ġid tal-komunita’ tagħna.

Permezz ta’ din il-websajt se taraw kemm hawn lajċi impenjati f’diversi gruppi u għaqdiet. Importanti iżda, li kull min hu nvolut f’xi ħidma tal-parroċċa iqiegħed it-talenti u l-kapaċitajiet tiegħu għas-servizz ta’ ħutu. Faċli wieħed jaħdem għal rasu iżda hija aktar diffiċli li jaħdem flimkien ma’ oħrajn. Iżda meta nagħmlu sforz u naħdmu flimkien, ir-riżultat ikun ferm aħjar. U lejn dan irridu naslu.

Nawguraw li kull min jidħol f’din il-websajt jinduna mhux biss bix-xogħol li jsir, iżda li fuq kollox jagħraf l-impenn li kull min hu nvolut fil-ħidma parrokkjali qed iwettaq favur il-bini ta’ komunita’ skond kif irid minna l-Mulej.