Il-parroċċa sfida kontinwa

Ma nkunx żbaljat li ngħid li llum il-ġurnata l-lajċi huma l-maġġoranza kbira tal-poplu ta’ Alla u li għandhom għas-servizz tagħhom minoranza ċkejkna: s-saċerdot. Illum kiber l-għarfien dwar l-identita’ u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja. Għandna ħafna lajċi, anke jekk qatt mhu biżżejjed, b’sens komunitarju b’saħħtu u fedelta’ kbira lejn l-impenn fil-karita’, fil-katekeżi, fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Din il-kuxjenza ta’ din ir-responsabbilita’ lajkali ssib il-bidu u l-pedament tagħha fil-Magħmudija u fil-Konfermazzjoni. (cfr Evangelium Gaudium,114)

Ilkoll jeħtieġ li nifhmu sewwa li nkunu Knisja tfisser nkunu Poplu ta’Alla, fid-dawl tal-pjan kbir ta’ mħabba li għandu l-Missier. Dan jimplika li nkunu l-ħmira ta’ Alla qalb il-bnedmin. Ifisser inħabbru u nwasslu s-salvazzjoni ta’ Alla fid-dinja tagħna, li spiss hi mitlufa, li għandha bżonn tweġibiet li jgħamlulha l-qalb, li jimlewha bit-tama, li jagħtuha ħeġġa ġdida fil-mixja tagħha.

Il-parroċċa għalhekk hi l-preżenza tal-Knisja f’territorju fejn tinstema’ l-Kelma, fejn tikber il-ħajja Nisranija, fejn isiru d-djalogu, it-tħabbira, l-imħabba ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni. Permezz tal-attivitajiet kollha tagħha, il-parroċċa tagħmel il-qalb u tifforma lill-membri tagħha biex isiru aġenti tal-evanġelizazzjoni. Hi komunita’ ta’ komunitajiet, santwarju fejn dawk li huma bil-għatx jersqu jixorbu biex jissoktaw jimxu, u ċentru ta’ mandat missjunarju kontinwu. Fid-dawl ta’ dan kollu wieħed irid ikun onest u jammetti li s-sejħa għar-reviżjoni u għat-tiġdid tal-parroċċi għadha ma tatx biżżejjed frott biex l-istess parroċċċi jkunu komunitajiet ħajja u parteċipazzjoni. (cfr Evangelium Gaudium, 28)

Fid-dawl ta’ dawn il-ħsibijiet, tajjeb li f’dawn il-jiem fejn se nkunu qed niċċelebraw il-festa f’ġieħ il-patrun tagħna San Ġiljan, insaqsu lilna nfusna kemm qed nikkontribwixxu individwalment biex il-parroċċa tagħna tkun tassew komunita’ ta’ ħajja vibranti. Huwa sabiħ li darba fis-sena naraw li ħafna jingħaqdu biex joffru ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet f’ġieħ il-Qaddis Patrun tagħna pero’ tajjeb li din ma tkunx esperjenza ta’ ġimgħa u tieqaf imma tkun esperjenza li nippruvaw inġedduha ta’ sikwit.

Nawguralkom l-isbaħ xewqat għal dawn il-jiem tal-festa.

About the author

Ikkummenta