Il-Prima Messa ta’ Fr. Paul Mizzi ħa ssir nhar it-24 t’ Awwissu u l-quddiesa ta’ ringrazzjament tibda fis-6.30pm.
Twelidt fl-24 t’ Awissu 1967 fl-isptar Blue Sisters u trabbejt tas-Sliema – fil-parrocca tal-Madonna tas-Sacro Cuor. Il-ġenituri tiegħi huma John, li ħalliena fil-Ġimgħa l-Kbira tal-2008 u Doris ta’ 83 sena. Għandi ħija, Carmel, li huwa sena iżgħar minni. Illi noqgħod San Ġiljan għaxar snin, wara li għamilt xi disa’ snin ngħix il-Pieta’; fil-parrocca tal-Msida.
Ħadt l-edukazzjoni primarja tiegħi fl-iskola tas-sorijiet ta’ St Joseph tas-Sliema. Wara li temmejt l-iskola Sekondarja, fil-Kulleġġ Santu Wistin fil-Pieta’, għamilt kors ta’ sentejn fis-Secretarial School tan-New Lyceum (illum il-Junior College). Fl-1987 dħalt naħdem ta’ skrivan f’ kumpanija privata li tispecjalizza fir-reġistrażżjoni tal-vapuri taħt il-bandiera Maltija – GM INTERNATIONAL SERVICES LTD – li tinsab il-Belt Valletta. Qattajt 23 sena naħdem f’din il-kumpanija. Ftit wara li bdejt naħdem, ġejt appuntat bħala manager tas-sezzjoni tar-reġistrażżjonijiet tal-vapuri u fl-aħħar snin ġejt appuntat ukoll bħala wieħed mid-diretturi tal-kumpanija.
Għalkemm il-ġibda lejn l-altar kont ili nħossha minndu kont tifel/żagħażugħ, dejjem kont ngħid li ma ninqalax u ma jistħoqlix. Imma il-Mulej baqa’ jiġri warajja u kull tant żmien kien jibgħatli xi sinjali, għalkemm dejjem kont insibha difficli biex ngħid l-IVA tiegħi! Kien propju fil-festa ta’ San Pawl tal-2008 li ħadt id-deciżżjoni li nitkellem mas-seminarju u wara sentejn ta’ dixxerniment ġejt accetat li nibda l-mixja tiegħi fis-seminarju, preciżament fis-sollenita’ ta’ San Pietru u San Pawl tal-2010.
Minħabba l-eta’ tiegħi, ġejt mibgħut għal-formazzjoni tiegħi fil-Kulleġġ Beda f’Ruma, li hu Kulleġġ mmexxi mil-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Ingliżi (u Wales). Il-programm hu addatat għal-irġiel maturi; fil-fatt l-eta’ tvarja bejn it-30 u s-67 sena. Il-kors ta’ erbgħa snin hu miftuħ għan-nazzjonitajiet kollha li jitkelmu bil-lingwa Ingliża. Għalhekk għandna studenti mil-kontinenti kollha.
Fl-14 ta’ Ġunju 2013 ġejt ordnat djaknu fil-Bażilika San Paolo fuore le mura f’Ruma.
Ninsab cert li l-esperjenzi li għadejt minnhom f’ħajti, specjalment fid-dinja tax-xogħol, għandhom jgħinuni fil-futur biex nkun ta’ servizz lejn il-poplu li l-Mulej jafda f’idejja bla ma jistħoqqli.
J’Alla dak li beda din l-opra fija jwassalha sat-tmiem.