Liturġija ta’ San Ġiljan

I QARI

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

F’dak iż-żmien: l-anġlu qal lil Tobit u lil ibnu:
“Bierku lil Alla tas-sema, u roddulu ħajr quddiem il-ħlejjaq kollha,
għax wera magħkom il-ħniena tiegħu.
Ħaġa sabiħa żżomm moħbi s-sigriet ta’ sultan,
imma jagħmlilkom gieħ turu l-egħmil ta’ Alla u tistqarruh.
Tajjeb hu t-talb mas-sawm;
u l-karità hi aħjar
milli taħżen id-deheb.
Għax il-karità teħles mill-mewt u tnaddaf mid-dnubiet , u hi mezz biex wieħed isib il-ħniena u l-ħajja ta’ dejjem.
Iżda l-midinbin u dawk li jagħmlu d-deni huma egħdewwa tagħhom infushom.
Ħa nurikom is-sewwa kollu; ma jien se naħbilkom xejn.
Meta int kont titlob bid-dmugħ f’għajnejk u tidfen il-mejtin, meta kont tħalli l-ikel fuq il-mejda u tmur taħbi l-mejtin f’darek bin-nhar biex tidfinhom bil-lejl,
jien ressaqt it-talb
tiegħek quddiem il-Mulej.
U billi int għoġobt lil Alla,
kien meħtieġ li tkun
imġarrab.”

Il-Kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Hu li jaħfer dnubietek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,
li jifdi ‘l ħajtek mill-ħofra,
li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu mogħdrija;
mhuwiex dejjem jitlewwem,
anqas dejjem jinkorla.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Bħalma missier iħenn għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu,
għax hu jaf mniex aħna magħġuna,
jiftakar li aħna trab.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Il-ħniena tal-Mulej minn dejjem sa dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biza’ tiegħu,
u l-ħaqq tiegħu ma’ wlied uliedhom,
ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 

II QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, ejjew inħobbu ‘l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla.
Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.
B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina,
għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.
U hawn qiegħda l-imħabba;
mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla,
imma għax ħabbna Hu u bagħat lil
Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk,
aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.
Lil Alla għadu ħadd ma rah,imma jekk inħobbu ‘l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu
ssib il-milja tagħha fina.
B’hekk nafu li aħna
ngħammru fih u Hu fina,
għax tana sehem
mill-Ispirtu tiegħu.
Aħna rajna, u nagħtu xhieda,li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja.
Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.
U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha.
Alla hu mħabba, u min igħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.

Il-Kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla

 

HALLELUJAH, HALLELUJAH

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej,
Li tħobbu lil xulxin,
bħalma ħabbejtkom jien.

HALLELUJAH.

 

EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-ngħaġ mill-gidien: in-ngħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-gidien fuq ix-xellug.
Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li thejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont fil-ħabs u ġejtu maġenbi.’
Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna maġenbek?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’
Imbagħad jgħid ukoll ’il dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li thejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!’
Imbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma qdejniekx?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew ngħidilkom, kemm ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn l-iżgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U jmorru dawn fit-tbatijiet ta’ dejjem, u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej.

About the author

Ikkummenta