Maħtur Viċi Kappillan għall-parroċċa ta’ San Ġiljan

Illum il-Ħadd 31 t’Awwissu 2014, waqt il-quddiesa solenni tad-0930am, fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Ġlijan, il-kappillan Fr Claude Portelli ħabbar li mill-għada 1 ta’ Settembru 2014 il-parroċċa ser ikollha Vici Kappillan ġdid – Dun Paul Mizzi.

Dun Paul huwa wiċċ familjari mal-parruċċani.  Dun Paul Mizzi twieled fl-24 t’ Awissu 1967 fl-isptar Blue Sisters u trabba tas-Sliema – fil-parrocca tal-Madonna tas-Sacro Cuor. Dun Paul huwa l-kbir minn żewġ aħwa.  Huwa ilu joqgħod San Ġiljan għaxar snin, wara li għamel madwar disa’ snin jgħix il-Pieta’; fil-parroċċa tal-Msida.  Huwa ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tas-sorijiet ta’ St Joseph tas-Sliema. Wara li temm l-iskola Sekondarja, fil-Kulleġġ Santu Wistin fil-Pieta’, għamel kors ta’ sentejn fis-Secretarial School tan-New Lyceum (illum il-Junior College). Fl-1987 daħal jaħdem bħala skrivan f’ kumpanija privata li tispeċjalizza fir-reġistrażżjoni tal-vapuri taħt il-bandiera Maltija.

Fil-festa tas-sollenita’ ta’ San Pietru u San Pawl tal-2010 huwa ġie aċċettat biex jibda’ l-mixja fis-seminarju li kellha twasslu għas-saċerdozju. Fl-14 ta’ Ġunju 2013 ġie ordnat djaknu fil-Bażilika San Paolo Fuore le Mura f’Ruma, waqt li fit-2 ta’ Lulju 2014, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. fil-Kon Katidral ta’San Ġwann il-Belt Valletta.

Propju ġimgħa ilu, iġifieri fl-24 t’Awwissu 2014 huwa qaddes l-ewwel quddiesa solenni tieghu fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan.

Minn din il-paġna, nawguraw lil Dun Paul  ħidma fejjieda fostna l-Ġiljaniżi.  Niftahru li l-post ta’viċi kappillan ilu vakanti għal dawn l-aħħar tnax il-xahar u għalhekk żgur li Dun Paul ser ikun t’għajnuna kbira fil-ħidma li jwettaq ta’kuljum il-kappillan.

 

 

About the author

Ikkummenta