Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom. Oraklu tal-Mulej.

Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

Salm Responsorjali

Rl . : Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

 

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu. Rl .

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba,

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel. Rl .

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Rl .

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew

jekk immut.

Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.

Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott

tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn.

Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna

aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun

ħafna aħjar għalikom.

Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’

 

Hallelujah. Rl . Hallelujah

Mulej iftħilna qalbna

biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek Ġesù Kristu.

Rl . Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola:

«Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu

kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu

tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom

l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin

fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u

nagħtikom li jkun ħaqqkom.” U marru. Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt

siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-

ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom:

“Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?” Qalulu:

“Għax ħadd ma qabbadna.” Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa.”

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu:

“Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar

u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.” Ġew dawk li daħlu għax-xogħol

fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta’ l-ewwel, u

stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull

wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu:

“Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li

tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!” Qabeż is-sid u qal lil wieħed

minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt

miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih

daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew

qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?” Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel,

u ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar.»

About the author

Ikkummenta