L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid il-Mulej:
«Intom tgħidu: “M’hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!” Issa isimgħu,
dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m’hijiex sewwa? Mhux l-imġiba
tagħkom li m’hijiex sewwa?
Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel
il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet.
Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel
il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax ikun intebaħ u reġa’ lura
mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx.»
Salm Responsorjali
Rl . : Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu. Rl.
Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti:
inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skond it-tjieba tiegħek. Rl.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’
ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi
ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa
jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.
Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma
kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd
minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.
Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u
żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
«Ġesù Kristu hu l-Mulej,»
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Hallelujah. Rl . Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
Rl . Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu:
«Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq
fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.”
U dak qallu: “Ma rridx.” Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar.
Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan,
u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?»
«L-ewwel wieħed,» weġbuh. U qalilhom Ġesù: «Tassew,
ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom
fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq
tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa
tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-
aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.»