L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid il-Mulej:
«Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’
minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi.
Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u
ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma
demmu nfittxu minn idejk.
Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura
minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek.»
Salm Responsorjali
Rl. : Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. Rl.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. Rl.
Mhux li kontu illum tisimgħu leħnu!
«La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt. » Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min
iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi.
Għax il-kmandamenti: «La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx,
la tkunx rgħib,» u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru
f’kelma waħda: «Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.»
L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi
l-milja tal-Liġi.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Jekk ħuk jaqa’ f’xi
dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt
lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew
tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda
jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur
għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu
b’wieħed pagan jew pubblikan.
Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema,
u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.
Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu
leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet,
jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi
hemm inkun jien f’nofshom.»