Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej dwar il-midluk tiegħu, dwar Ċiru:

«Lilu qbadt minn idu l-leminija

biex inrażżan il-ġnus quddiemu

u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;

niftaħ il-bibien quddiemu

u ebda bieb ma jibqa’ magħluq.

Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,

u Iżrael, il-maħtur tiegħi,

jien sejjaħtlek b’ismek.

Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.

Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,

m’hemmx Alla ieħor għajri.

Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,

biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,

il-bnedmin jagħrfu li m‘hemm ħadd ħliefi.

Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi. »

 

Salm Responsorjali

Rl. : Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. Rl.

 

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,

tal-biża’ aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! Rl.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu. Rl.

 

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,

triegħdu quddiemu, nies kollha ta’ l-art!

Għidu fost il-ġnus: «Il-Mulej isaltan!»

Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. Rl.

 

It-Tieni Qari

Bidu ta’ l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier

u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.

Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru

fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi

tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa

tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna.

Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju

tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa,

bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex

jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.

U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu:

«Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla

tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int

lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek?

Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?»

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: «Għaliex

tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa.» Urewh

dinar, u Ġesù staqsiehom: «Ta’ min huma dan il-wiċċ u din

il-kitba?» Qalulu: «Ta’ Ċesari!»

Imbagħad qalilhom: «Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil

Alla dak li hu ta’ Alla.»

About the author

Ikkummenta