L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu
Dan jgħid il-Mulej:
«La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu
barranin fl-art ta’ l-Eġittu.
La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma
jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi
tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom
jisfaw iltiema.
Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal
wieħed sellief, u teħodlux imgħax.
Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel
inżul ix-xemx; għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss
l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena
nisimgħu, għax jien ħanin.»
Salm Responsorjali
Rl. : Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi. Rl.
Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. Rl.
Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti, intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid
tagħkom.
Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna
taħbit bil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell għal
dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss il-kelma
tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja,
imma l-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna
ma għandna għalfejn ngħidu xejn.
Huma stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u
tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema
lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu,
u aħna niġu u ngħammru għandu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien
saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref
fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: «Mgħallem, liema
hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?» Qallu Ġesù: «“Ħobb lill-Mulej,
Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”
Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu:
“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Dawn iż-żewġ kmandamenti
huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.»