Il-qawwa tal-ħajja Nisranija tinsab fil-laqgħa bejn dnubietna u Kristu li jsalvana. Fejn mhemmx din il-laqgħa, il-Knejjes huma dekadenti u l-Insara berdin. L- Appostli Pietru u Pawlu jgħinuna nifhmu li n-Nisrani jista’ jiftaħar b’żewġ affarijiet: “dnubietu u Kristu msallab“. Il-qawwa tal-Kelma t’Alla li tittrasforma, tibda’ minn dan l-għarfien. Hekk, Pawlu fl-ittra lill-Korintin jistieden lil min jaħseb li hu għaref “biex isir iblaħ ħalli jsir għaref, għax l-għerf ta’ din id-dinja huwa bluha quddiem Alla”.
Pawlu jgħidilna li l-qawwa tal-Kelma t’Alla, dik li tibdel il-qalb, li tibdel id-dinja, li tagħti t-tama, li tagħtina l-ħajja, ma nsibuhiex fl-għerf uman: mhix f’xi diskors sabiħ, f’xi rakkont imlewwen tal-inteliġenza umana. Dik hi bluha, jgħidilna. Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tiġi minn imkien ieħor. Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tgħaddi wkoll mill-qalb tal-predikatur li jippritkaha: “Siru boloħ”, jiġifieri tqiegħdux is-sigurtà tagħkom f’għerfkom, fl-għerf tad-dinja.
L-Appostlu Pawlu ma kienx jiftaħar bl-istudji tiegħu minkejja li kien studja mal-aktar professuri importanti ta’ żmienu, imma kien jiftaħar biss b’żewġ affarijiet. Hu stess jgħid: “Jien niftaħar biss bi dnubieti”. Dan meta jinghad jiskandaliżża. Imbagħad, f’post ieħor jgħid: Jien niftaħar biss bi Kristu u f’dan imsallab”.
Il-qawwa tal-Kelma t’Alla tinsab fil-laqgħa bejn dnubieti u d-Demm ta’ Kristu li jsalvani. U meta din il-laqgħa ma sseħħx, il-qalb titlef il-qawwa. Meta din il-laqgħa li kellna tul ħajjitna tintesa, insiru mondani, inkunu rridu nitkellmu dwar il-ħwejjeġ t’Alla bil-lingwaġġ uman; dan ma jiswa’ xejn, ma jagħtix ħajja.
Anki Pietru, fil-Vanġelu tas-sajda mirakoluża, jkollu l-esperjenza tal-laqgħa ma’ Ġesù billi jara d-dnub tiegħu: jara l-qawwa ta’ Ġesù u jara lilu nnifsu. Jintefa’ f’saqajH u jgħidlu: “Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb”. F’din il-laqgħa bejn Kristu u dnubieti hemm is-salvazzjoni tieghi.
Il-post privileġġjat għall-laqgħa ma’ Ġesù Kristu huwa d-dnubiet tagħna. Jekk in-Nisrani ma jħossx li hu midneb u salvat mid-Demm ta’ Kristu, Kristu Msallab, dan ikun Nisrani f’nofs it-triq, Nisrani biered. U meta aħna naraw Knejjes dekadenti, parroċċi dekadenti, istituzzjonijiet dekadenti, żgur li l-Insara li jkunu fihom qatt ma ltaqgħu ma’ Ġesù Kristu jew inkella nsew il-laqgħa li xi darba kellhom miegħu.
Il-qawwa tal-ħajja Nisranija u l-qawwa tal-Kelma t’Alla tinsab propju f’dak il-mument fejn jiena, midneb, niltaqa’ ma’ Ġesù… u dik il-laqgħa tibdilli ħajti… ittini l-qawwa biex inħabbar is-salvazzjoni lill-oħrajn. Jien għandi ħila li ngħid lill-Mulej: “Jiena midneb”, mhux bit-teorija imma bl-istqarrija tad-dnub konkret? U jien għandi ħila nemmen li propju Hu, b’Demmu, ħelisni mid-dnub u tani ħajja ġdida? Għandi fiduċja fi Kristu?
Ghaldastant nistaqsi jien ukoll : biex għandu jiftaħar in-Nisrani? San Pawl joffrilna risposta diretta meta jghidilna li n-nisrani ghandu jiftahar b’żewġ affarijiet: bi dnubietu u bi Kristu msallab.
Fr Claude