L-Ewwel Qari
Qari mill‐Ktieb tal‐Ġob
Ġob wieġeb u qal: “Mhux li kien jiġi maħżuż fi ktieb, jew b’xafra tal‐ħadid u ċ‐ċomb
għal dejjem fil‐blat jitnaqqax! Jien naf li d‐difensur tiegħi ħaj, u fl‐aħħar fuq it‐trab iqum.
U wara li jintemm ġildi, mingħajr laħmi nara ’l Alla, li jien narah maġenbi.
Salm Responsorjali
Rl.: Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f ’art il‐ħajjin!
Il‐Mulej hu d‐dawl u s‐salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il‐Mulej hu l‐kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? Rl.
Rl.: Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f ’art il‐ħajjin!
Ħaġa waħda tlabt lill‐Mulej, lilha nfittex:
li ngħammar f’dar il‐Mulej il‐jiem kollha ta’ ħajti,
biex nitgħaxxaq bil‐ħlewwa tal‐Mulej
u nbakkar fit‐tempju tiegħu. Rl.
Rl.: Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f ’art il‐ħajjin!
Isma’, Mulej, il‐leħen tiegħi:
meta ngħajjat, ħenn għalija u weġibni.
Jien infittex ’il wiċċek, Mulej;
la taħbix wiċċek minni. Rl.
Rl.: Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f ’art il‐ħajjin!
Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f’art il‐ħajjin.
Ittama fil‐Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil‐Mulej. Rl.
Rl.: Nemmen li għad nara t‐tjieba tal‐Mulej f ’art il‐ħajjin!
It-Tieni Qari
Qari mill‐Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir‐Rumani
Ħuti: It‐tama ma tqarraqx bina, għaliex l‐imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz tal‐
Ispirtu s‐Santu li kien mogħti lilna. Meta kien il‐waqt, u aħna konna għadna bla saħħa,
Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed bilkemm imut għal bniedem ġust,
għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il‐qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera
mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz
tiegħu mill‐korla ta’ Alla! Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu
bis‐saħħa tal‐mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz
tal‐ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li
permezz tiegħu issa ksibna l‐ħbiberija ma’ Alla.
Hallelujah. Hallelujah.
Ir‐rieda ta’ Missieri hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li
nqajmu mill‐imwiet fl‐aħħar jum.
Hallelujah!
L-Evanġelju
Qari mill‐Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż‐żmien: Ġesù qal lin‐nies: “Dak kollu li missieri jagħtini jiġi għandi, u min
jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis‐sema biex nagħmel mhux ir‐
rieda tiegħi, imma r‐rieda ta’ min bagħatni. Issa r‐rieda ta’ min bagħatni hija din: li
jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill‐imwiet fl‐aħħar jum.
Għax ir‐rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l‐Iben u jemmen fih ikollu l‐ħajja
ta’ dejjem u jiena nqajmu mill‐imwiet fl‐aħħar jum.”