L-Ewwel Qari
Għeluq tal-Ktieb tal-Proverbi
Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta’ ġid.
Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,
il-jiem kollha ta’ ħajjitha.
Tfittex suf u ħjut tal-qoton,
u taħdmu bil-qalb b’idejha.
Tmidd idejha għall-magħżel,
jaqbdu d-dussies idejha.
Tiftaħ mal-fqir idejha,
tmidd idejha lejn l-imsejken.
Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha;
mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.
Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.
Salm Responsorjali
Rl. : Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! Rl.
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. Rl.
Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom
tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel bil-lejl.
Meta kulħadd jibda jgħid: «Sliem u mistrieħ,» dak il-ħin stess, bħall-
uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda
l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.
Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal
għarrieda bħal ħalliel. Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum;
aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.
Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu
bil-qjies.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola:
«Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom
ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil
ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.
Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’
ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda
dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.
Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel
il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti
u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli
f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.” Qallu s-sinjur: “Sewwa,
qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna;
idħol fl-hena ta’ sidek.”
Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti
ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.” Qallu s-sinjur: “Sewwa,
qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna;
idħol fl-hena ta’ sidek.”
Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek
nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma
xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara,
għandek dak li hu tiegħek.”
Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien
naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek
mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom
bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu
l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed
ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.
U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk
ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.”»