L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb ta’ Ġenesi
F’dak iż-żmien, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu:
«La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna.»
U Abram qallu: «Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal,
u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku.» U Abram żied
jgħid: «Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni.» U ara,
waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: «Ma jirtekx dan, imma wieħed
ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.»
U ħarġu barra u qallu: «Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd
il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom.» U żied jgħidlu: «Hekk
għad ikun nislek.» U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu
b’ġustizzja.
U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak
li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu,
fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li
kienet wilditlu Sara, Iżakk.
Salm Responsorjali
Rl. : Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. Rl.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ‘l wiċċu l-ħin kollu. Rl.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. Rl.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta
dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien
jaf fejn kien sejjer.
Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet
titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda.
Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet,
twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’
xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u
kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet,
hu li Alla kien qallu: «Minn Iżakk int għad ikollok nisel.» Huwa
fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens
ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna
ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.
Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont
il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex
jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: «Kull
tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej» – u biex joffru
b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi
tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb,
li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.
L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma
jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu,
u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet
trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
«Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael.»
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad
fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: «Ara, dan se jġib
il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,
– u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija
fil-qlub ta’ ħafna.»
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù
ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet
għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha
erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u
nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet
trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu
jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej
reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel
baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet
fuqu.