L-Ewwel Qari
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu
mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta:
«Issa, ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs
ta’ tinda!» U qal Natan lis-sultan: «Kull ma għandek fi ħsiebek li
tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek.»
Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: «Mur
għid lill-qaddej tiegħi David: “Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar
biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara
l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont
miegħek f’kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa
tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah
l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja.
Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn
jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu
sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu
tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha.
Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti
ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek
warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna
tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben.
Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem
quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.”»
Salm Responsorjali
Rl. : It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
F’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt:
«Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek.» Rl.
«Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek.» Rl.
«Hu jsejjaħli: “Int missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!”
It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.» Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, lil Alla li għandu l-qawwa
li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,
jien u nxandar lil Ġesù Kristu,
skont ir-rivelazzjoni tal-misteru
li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;
lil dan li Alla issa rrivelalna dan il-misteru,
u għarrfu lill-ġnus bil-kitba tal-Profeti,
skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,
biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;
lil dan Alla, waħdu fl-għerf, il-glorja għal dejjem ta’ dejjem
b’Ġesù Kristu. Ammen.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha
Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar
ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u
qalilha: «Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.»
Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn
ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha:
«Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se
tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun
jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru,
u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem
għas-saltna tiegħu.»
Iżda Marija qalet lill-anġlu: «Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx
raġel?» Wieġeb l-anġlu u qalilha: «L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u
l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li
jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba
tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa
għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,
għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.»
Imbagħad qalet Marija: «Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni
skont kelmtek!» U l-anġlu telaq minn quddiemha.