It-Tielet Ħadd tal-Avvent

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bagħatni ndewwi l-qalb miksura;

biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;

biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,

taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b’kuruna,

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

Bħalma l-art tnibbet,

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,

quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

Salm Responsorjali

Rl. : Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem

kull nisel isejjaħli hienja. Rl.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu. Rl.

 

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu. Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox.

Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.

Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija. Ippruvaw kollox:

it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen.

U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla

mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

Fidil hu Alla li sejħilkom, u huwa jagħmel dan.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi:

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala

xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma

kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm

bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: «Int min int?»

Hu stqarr bla ma ċaħad: «Jien m’iniex il-Messija.» Huma reġgħu

staqsewh: «Mela min int? Elija?» «M’iniex,» qalilhom. «Int

il-Profeta?» «Le,» weġibhom. Imbagħad qalulu: «Mela min int? Biex

nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg­ħid li int?» U hu wieġeb

kif qal il-profeta Isaija: «Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Wittu t-triq tal-Mulej.»

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma

staqsewh: «Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la

Elija u lanqas il-Profeta?» «Jiena ngħammed bl-ilma,» weġibhom

Ġwanni, «imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li

ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.»

Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien

jgħammed.

About the author

Ikkummenta