L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
«Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi
– jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej
darbtejn għal dnubietha kollha.»
Leħen jgħajjat:
«Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħattba titwitta,
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem.»
Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
«Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.»
Salm Responsorjali
Rl. : Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. Rl.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. Rl.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Ħuti għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum
wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax
jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud,
imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma,
li kulħadd jersaq għall-indiema.
Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad
is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja,
u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.
Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom
iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom,
waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu
minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi
tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu,
nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar
il-ġustizzja.
Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom
fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Bidu tal-Evanġelju skont San Mark
Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla.
Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: «Ara, jien nibgħat
qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat
fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.»
Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’
ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija
kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara
Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild
madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.
U kien ixandar u jgħid: «Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma
jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.
Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu
s-Santu.»