Is-Sibt 6 ta’Diċembru 2014, jumejn biss qabel il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, ġab fi tmiemu fażi ohra mir-restawr li qed isir fil-Kappella tal-Immakulata Kunċizzjoni ġewwa San Ġiljan.
Il-Knisja tal-Kunċizzjoni f’San Ġiljan tinsab fi Triq San Ġorġ. Illum insibuha mdawwra b’ħafna ristoranti billi din tinsab ftit l-isfel minn Paceville. Quddiemha hemm Xatt is-Sajjieda. Fil-fatt din il-knisja ħelwa hija xi kultant magħrufa wkoll bħala “Tas-Sajjieda”, għax fl-imgħoddi kienu huma l-aktar li kienu jiffrekwentawha.
Il-kappilan Fr Claude Portelli, flimkien ma numru żgħir ieħor ta’nies iddeċidew li jagħtu spinta lil din il-kappella permezz ta’ diversi xogħolijiet ta’restawr.
Hawn taħt, permezz tar-ritratti qed nurukom ftit mix-xogħol li kien għaddej matul dawn l-aħħar xhur.
Grazzi kbira tmur għall-voluntiera kollha li għamlu ħilithom biex din il-fażi tkun lesta sal-festa tal-Immakulata. Grazzi wkoll lil Ms Erika Gatt – ir-restawratriċi li ħadmet flimkien mat-tim tagħha biex ħareg dan ir-riżultat tant sabiħ. Din il-ġawhra issa tista’ tibqa’ titgawda mill-komunita’ Ġiljaniża flimkien ma dawk kollha li jżuru dawn l-inħawi.