Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: «Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek

profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.

Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb

f’jum il-laqgħa, meta għedt: “Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej,

Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.”

U l-Mulej qalli: “Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom

profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u

jħabbrilhom kull ma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi

li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi

profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew

inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.”»

 

Salm Responsorjali

Rl. : Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej.

La twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. Rl.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. Rl.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

«La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.» Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ,

ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min

hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil

martu, u hu mifrud fih innifsu!

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ

tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda

l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob

lil żewġha.

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex

inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin

mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.

 

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam

ra dawl kbir;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt

idda dawl għalihom.

Rl. Hallelujah

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr,

f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu

mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal

wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin

u qabad jgħajjat u jgħid: «Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’

Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!»

Imma Ġesù kkmandah: «Iskot! Oħroġ minnu!» Imbagħad l-ispirtu

ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ

minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: «Dan x’inhu?

X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u

huma joqogħdu għalih?» U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi

kollha tal-Galilija.

About the author

Ikkummenta