L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.
Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Salm Responsorjali
Rl. : Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. Rl.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. Rl.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. Rl.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom,
jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru.
Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx
mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa
tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex
ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem,
ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz
tal-Evanġelju.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa,
u ġejna nqimu l-Mulej.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan
Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: «Fejn hu dak
li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa,
u ġejna nqimuh.» Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u
Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u
l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu
jitwieled il-Messija. U huma qalulu: «F’Betlehem tal-Lhudija, għax
hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix
l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li
jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.”»
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha
mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom
Betlehem u qalilhom: «Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh
ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.»
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu
raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq
il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir
tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija,
inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb,
inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma
jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.