L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: «Qum, mur f’Ninwè,
il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien.» U Ġona qam u mar
f’Ninwè kif qallu l-Mulej.
Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha.
Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: «Erbgħin
jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!»
In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu l-ixkejjer,
mill-kbir saż-żgħir.
U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla
raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.
Salm Responsorjali
Rl. : Triqatek, Mulej, għarrafni
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Rl.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. Rl.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li
għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku,
bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux;
dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu
d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja
għad tgħaddi!
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju
ta’ Alla u jgħid: «Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.»
Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u
’l ħuh Indri qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda.
U Ġesù qalilhom: «Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda
tal-bnedmin.» U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni
fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom.
U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti,
u marru warajh.