L-Ewwel Qari
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien
hemm l-arka ta’ Alla.
Il-Mulej sejjaħ: «Samwel!» U dan wieġeb: «Hawn jien!» U mar
jiġri għand Għeli. «Hawn jien,» qallu, «għalfejn sejjaħtli?» «Ma
sejjaħtlekx,» wieġeb, «erġa’ mur imtedd.» U raġa’ mar jorqod.
U ssokta l-Mulej isejjaħ: «Samwel!» U Samwel qam u mar għand
Għeli u qallu: «Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?» «Ma sejjaħtlekx, ibni,»
wieġeb, «erġa’ mur orqod.» Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej,
u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.
U ssokta l-Mulej isejjaħ: «Samwel!» għat-tielet darba. U dan qam, u
mar għand Għeli, u qallu: «Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?» U Għeli
fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel:
«Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: Tkellem, Mulej, għax
il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.» U Samwel mar jorqod f’postu.
U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: «Samwel!
Samwel!» U Samwel wieġeb: «Tkellem, għax il-qaddej tiegħek
qiegħed jisma’.»
Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli
qal tmur fix-xejn.
Salm Responsorjali
Rl.: Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. Rl.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: «Hawn jien, ġej.» Rl.
«Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.» Rl.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, il-ġisem mhuwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa
għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa
tiegħu.
Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Min
jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. Aħarbu ż-żína! Kull
dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel
iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess.
Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab
jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom
m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu
ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
«Sibna l-Messija:»
Il-grazzja u l-verità seħħu permezz tiegħu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu.
Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: «Araw il-Ħaruf
ta’ Alla.» Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: «Xi tridu?» Iżda
huma staqsewh: «Rabbi» – li tfisser, Mgħallem – «fejn toqgħod?» .
Hu weġibhom: «Ejjew u taraw.» U marru miegħu u raw fejn kien
joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’
waranofsinhar.
Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù
kien Indri, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh
Xmun, u qallu: «Sibna l-Messija» – li tfisser Kristu. U ħadu għand
Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: «Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ
Kefa» – jew Pietru.