“Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom” (Ġoel 2:13).
B’dan il-kliem qawwi tal-Profeta Ġoel il-liturġija tintroduċina għar-Randan, u turina li l-konverżjoni tal-qalb hi l-karatteristika ta’ dan iż-żmien ta’ grazzja. Is-sejħa tal-profeta tippreżenta sfida għalina lkoll, ħadd eskluż, u tfakkarna li l-konverżjoni ma tirriduċix ruħha għal forom esterjuri jew intenzjonijiet li jibqgħu fl-arja, imma tqanqal u tibdel il-ħajja kollha tal-persuna, ibda miċ-ċentru tagħha, il-kuxjenza. Aħna mistednin nibdew din il-mixja fejn nisfidaw ir-rutina u nagħmlu sforz biex niftħu għajnejna u widnejna, imma fuq kollox qalbna, ħalli noħorġu ’l barra mill-kumdita tagħna.
Ninfetħu għal Alla u għal ħutna. Nafu li din id-dinja dejjem iżjed artifiċjali qed iġġibna ngħixu f’kultura mibnija fuq dak li “nagħmlu”, fuq dak li hu “utli”, fejn bla ma nintebħu nkunu naqtgħu barra lil Alla mix-xefaq ta’ ħajjitna. Imma nispiċċaw naqtgħu barra wkoll l-istess xefaq! Ir-Randan isejħilna biex “inxenglu” ġisimna, ħalli hekk niftakru li aħna ħlejjaq, sempliċement li aħna m’aħniex Alla. Meta fl-ambjent ċkejken tal-ħajja ta’ kuljum nilmaħ dawk il-ġlidiet ċkejkna għall-poter minn minn irid jokkupa l-ispazju, ngħid bejni u bejn ruħi: dawn in-nies qed jilagħbuha ta’ Alla l-Ħallieq. Għadhom ma ntebħux li m’humiex Alla.
U anki ma’ l-oħrajn nirriskjaw li ningħalqu, li ninsewhom. Imma nistgħu biss nibdew il-mixja tagħna ta’ konverżjoni li twassal għall-Għid jekk inħallu jisfidawna d-diffikultajiet u t-tbatijiet ta’ ħutna. Hi mixja li tiġbor fiha s-salib u ċ-ċaħda. Il-Vanġelu li jinqara f’Ras ir-Randan jurina liema huma l-elementi ta’ din il-mixja spiritwali: it-talb, is-sawm u l-karità (ara Mt 6:1-6,16-18). It-tlieta li huma jitolbu minna li ma nħallux jiddominana dak li jidher: dak li jiswa m’hux l-apparenza; il-valur tal-ħajja ma jiddipendix mill-approvazzjoni ta’ l-oħrajn jew mis-suċċess, imma minn dak li għandna ġo fina.
L-ewwel element hu t-talb. It-talb hu l-qawwa tan-Nisrani u ta’ kull min jemmen. Fid-dgħufija ta’ ħajjitna, aħna nistgħu nduru lejn Alla bil-fiduċja ta’ wlied u nidħlu f’komunjoni miegħU. Ir-Randan hu żmien it-talb, talb iżjed mill-qalb, iżjed fit-tul, iżjed regolari, iżjed kapaċi jimtela bil-ħtiġijiet ta’ ħutna; talb ta’ interċessjoni, biex nidħlu quddiem Alla għal tant sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ tbatija.
It-tieni element li jikkaratterizza l-mixja tar-Randan hu s-sawm. Irridu noqogħdu attenti li ma nipprattikawx tip ta’ sawm formali, jew li fil-verità “jaqtgħalna l-għatx” għax iserrħilna l-kuxjenza. Is-sawm jagħmel sens tabilħaqq jekk jheżżeż is-sens ta’ sigurtà li nkunu fih, u anki jekk minnu joħroġ xi ġid għall-oħrajn, jekk jgħinna nxettlu fina l-istil tas-Samaritan it-Tajjeb, li jmil ħdejn ħuh li qed ibati u jieħu ħsiebu. Is-sawm jitlob minna l-għażla ta’ ħajja sempliċi, fl-istil tagħha; ħajja li ma taħlix, ħajja li ma “tarmix”. Meta nsumu, inkunu nħarrġu l-qalb fl-essenzjalità u fil-qsim ma’ l-oħrajn. Hu sinjal li aħna konxji u nħossuna responsabbli quddiem l-inġustizzji, il-moħqrija, speċjalment fil-konfront tal-foqra u ċ-ċkejknin, u hu sinjal tal-fiduċja li għandna f’Alla u fil-providenza tiegħu.
It-tielet element, il-karità: din tfisser gratwità, għax fil-karità nagħtu xi ħaġa lil xi ħadd li minn għandu ma nistennew xejn lura. Il-gratwità għandha tkun waħda mill-karatteristiċi tan-Nisrani li, għax jaf li kull ma għandu rċivieh b’xejn minn għand Alla, jiġifieri bla ebda mertu tiegħu, jitgħallem jagħti lill-oħrajn b’xejn ukoll. Il-lum spiss il-gratwità ma tagħmilx parti mill-ħajja ta’ kuljum, fejn kollox qed jinbiegħ u jinxtara. Kollox hu kkalkulat u meqjus. Il-karità tgħinna ngħixu d-don bħala xi ħaġa li tingħata b’xejn, u dan jeħlisna mill-ossessjoni tal-pussess, mill-biża’ li nitilfu xi ħaġa milli għandna, mid-dwejjaq ta’ min ma jridx jaqsam ġidu ma’ l-oħrajn.
Bl-istediniet tiegħu għall-konverżjoni, ir-Randan providenzjalment jiġi biex iqajjimna, biex ixengilna min-ngħas tagħna, mir-riskju li nibqgħu mexjin ’il quddiem biss b’mod awtomatiku. It-twissija li l-Mulej jagħmlilna permezz tal-Profeta Ġoel hi ċara u qawwija: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (Ġoel 2:12). Għaliex għandna nerġgħu nduru lejn Alla? Għax hemm xi ħaġa li m’hix miexja sew fina, m’hix miexja sew fis-soċjetà, fil-Knisja, u għandna bżonn ninbidlu, naqilbu r-rotta. U dan ifisser li għandna bżonn nikkonvertu!
Ir-Randan jiġi mill-ġdid biex iwasslilna s-sejħa profetika tiegħu, biex ifakkarna li hu possibbli nwettqu xi ħaġa ġdida fina u madwarna, sempliċement għax Alla hu fidil, hu dejjem fidil, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu, jibqa’ għani fit-tjieba u fil-ħniena tiegħu, u hu dejjem lest biex jaħfer u jibda mill-ġdid magħna. B’din il-fiduċja ta’ wlied, ejjew nibdew il-mixja tagħna.
Fr Claude