L-Ewwel Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: «Arawni, hawn

jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom;

ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem,

ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li

ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li

qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt

iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art.»

U żied jgħid Alla: «Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed

nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom,

għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi

fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab

fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u

bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed

l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj.»

 

Salm Responsorjali

Rl. : Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Rl.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Inti tajjeb, Mulej;

ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. Rl.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. Rl.

 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet;

hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien

mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar

ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn

kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla

qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit,

jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma.

Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll.

Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla

ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu,

li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu

s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert

erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u

kienu jaqduh l-anġli.

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il­-Galilija jxandar l-Evanġelju

ta’ Alla u jgħid: «Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;

indmu u emmnu fl-Evanġelju.»

About the author

Ikkummenta