L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Levitiku
Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: «Meta xi ħadd ikollu
fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa
tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn
uliedu l-qassisin.
Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu
mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: “Imniġġes! Imniġġes!”
Kemm idum marid ikun miżmum b’imniġġes li hu, u jgħix waħdu
f’postu barra mill-kamp.»
Salm Responsorjali
Rl. : Int kenn għalija, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek
Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! Rl.
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.
Jien għedt: «Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti.»
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. Rl.
Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Apostlu lill-Korintin
Ħuti, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu
kollox għall-glorja ta’ Alla. Tkunux ta’ tfixkil, la għal-Lhud, la
għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta’ Alla. Hekk jiena nogħġob lil
kulħadd f’kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex
isalvaw.
Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa,
inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: «Jekk trid, tista’ tfejjaqni!»
Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: «Irrid,
kun imnaddaf!»
U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ,
bagħtu malajr u qallu: «Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri
ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna
Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.»
Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar,
hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien
jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.