L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: «Abraham!»
U hu wieġbu: «Hawn jien!» U qallu: «Aqbad lil ibnek il-waħdieni,
li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih
b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.»
U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u
qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej
mis-smewwiet u qallu: «Abraham, Abraham!» U dan wieġbu: «Hawn
jien.» U qallu: «La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda
ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn
ibnek il-waħdieni.»
U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh
maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun,
u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu.
U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham
mis-smewwiet u qallu: «Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba
int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,
jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb
tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb
l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli
smajt minn kelmti.»
Salm Responsorjali
Rl. : Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin
Bqajt nemmen, imqar meta għedt:
«Jien imdejjaq ħafna!»
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. Rl.
Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ. Rl.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu,
fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
ġo nofsok, Ġerusalemm! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu,
li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma
jagħtiniex ukoll kollox miegħu?
Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li
jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew
aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol
għalina.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid:
«Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu.»
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni,
tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.
Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel
fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom
Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.
Qabad Pietru u qal lil Ġesù: «Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!
Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda
għal Elija.» Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li
waqa’ fuqhom.
Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen
jgħid: «Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.» Minnufih taw ħarsa
madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu
ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam
mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu
lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.