L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Salm Responsorjali
Rl. : Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
«F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!» Rl.
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. Rl.
Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! Rl.
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,
u kull ilsien jistqarr:
«Ġesù Kristu hu l-Mulej,»
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark
K Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin
il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’
moħħhom u jagħtuh il-mewt. Għax bdew jgħidu:
S «Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu.»
K Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f’Betanja.
Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur,
jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras
Ġesù. U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u
jgħidu:
S «Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? Dil-fwieħa setgħet iġġib
aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra.»
K U bdew jeħduha magħha. Imma Ġesù qal:
# «Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet
miegħi. Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu
tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni
magħkom. Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa
għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom, li kull fejn
jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad
ukoll, b’tifkira tagħha.»
K Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand
il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Għal din
l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda
jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel
jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid,
id-dixxipli tiegħu qalulu:
S «Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?»
K Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom:
# «Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru
warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek
l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla
tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” U hu jurikhom kamra kbira fuq,
mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.»
K U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt u sabu kollox kif kien
qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. U kif kienu fuq
il-mejda jieklu qal:
# «Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed
li qiegħed jiekol miegħi.»
K Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor
staqsewh:
S «Jaqaw jien?»
K Qalilhom:
# «Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed
miegħi. Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu;
imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin
il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar
għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!»
K Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu,
newwilhulhom u qal:
# «Ħudu, dan hu ġismi.»
K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u
lkoll xorbu minnu. U qalilhom:
# «Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna.
Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa
dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.»
K Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.
U Ġesù qalilhom:
# «Ilkoll se titħawdu, għax hu miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u
n-nagħaġ jitferrxu”. Imma wara li nqum mill-mewt, immur
il-Galilija qabilkom.»
K Qallu Pietru:
S «Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx.»
K Qallu Ġesù:
# «Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun
idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.»
K Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha:
S «Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!»
K U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess. Waslu f’qasam jismu
Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu:
# «Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob.»
K U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew
jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom:
# «Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru.»
K Mexa kemmxejn ‘il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk
jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. U qal:
# «Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan
il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.»
K Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru:
# «Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u itolbu
biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem
dgħajjef.»
K U raġa’ mar u tenna l-istess talba. Mill-ġdid ġie u għal
darb’oħra sabhom reqdin għax għajnejhom kienu tqal
bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbu jgħidulu. Ġie għat-tielet
darba u qalilhom:
# «Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin
il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew
immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!»
K Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed
mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten,
mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. Issa dak
li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom:
S «Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb.»
K Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu:
S «Rabbi.»
K U biesu. Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. Imma
wieħed minn dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih
lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.
Ġesù dar fuqhom u qalilhom:
# «Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten
biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju
ngħallem u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ
l-Iskrittura.»
K Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. Wieħed
żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh;
imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri. Ħadu lil
Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha
u x-xjuħ u l-kittieba. Pietru kien baqa’ miexi warajh
mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda
mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. Il-qassisin il-kbar u
s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh
il-mewt, u ma sabux. Tassew li kien hemm ħafna li xehdu
bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx
taqbel. Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa
kontra tiegħu u qalu:
S «Aħna smajnieh jgħid, “Jiena nħott dan it-tempju mibni
bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!”»
K Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel.
Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa
lil Ġesù:
S «Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?»
K Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis
il-kbir staqsieh u qallu:
S «Int il-Messija, Bin l-Imbierek?»
K Ġesù wieġbu:
# «Jien hu, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda
n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema.»
K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu u qal:
S «Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Id-dagħwa smajtuha!
X’jidhrilkom?»
K U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi
wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u
jgħidulu:
S «Aqta’ min!»
K U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. Waqt li Pietru kien isfel
‘il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis
il-kbir. Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha
fuqu u qaltlu:
S «Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret.»
K Imma hu ċaħad u qal:
S «Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid.»
K U ħareġ ‘il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden.
Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm:
S «Dan wieħed minnhom.»
K U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu
lil Pietru:
S «Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija.»
K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S «Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu.»
K Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar
fil-kelma li kien qallu Ġesù: «Qabel ma s-serduk jidden darbtejn,
inti tiċħadni tliet darbiet.» U nfexx jibki.
K Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ
u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom.
Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. Pilatu
staqsieh:
S «Inti s-sultan tal-Lhud?»
K U hu wieġeb u qallu:
# «Int qiegħed tgħidu.»
K Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu.
Iżda Pilatu raġa’ staqsieh:
S «Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra
tiegħek!»
K Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’
mistagħġeb. F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil
dak li kienu jitolbu huma. Issa fil-ħabs kien hemm wieħed
jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta
kienu qatlu lil xi ħadd. In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel
kif kien jagħmlilhom dejjem. Qabad Pilatu u qalilhom:
S «Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?»
K Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù
f’idejh minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu
n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa’ staqsiehom u
qalilhom:
S «U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan
tal-Lhud?»
K Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid:
S «Sallbu!»
K Qalilhom Pilatu:
S «Imma x’għamel ħażin?»
K Huma aktar bdew jgħajtu:
S «Sallbu!»
K Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u
lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Is-suldati
ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu
r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq
rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu:
S «Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!»
K U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu
rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara
li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu
ħwejġu.
U ħaduh ‘il barra biex isallbuh. Kien għaddej wieħed, Xmun
minn ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u
ġagħluh jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu Golgota, li
jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra,
imma hu ma riedx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu
ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed
jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li
turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: «Is-sultan
tal-Lhud.» Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq
il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew
jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:
S «Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt
ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!»
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u
mal-kittieba u jgħidu:
S «Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel issa
l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw
u nemmnu!»
K U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.
Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu
sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi:
# «Eloi, Eloi, lemà sabaqtàni!»
K li jfisser:
# «Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!»
K Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S «Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!»
K U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha
f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal:
S «Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!»
K Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Hawnhekk kulħadd jinżel għarkopptejh
u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.
Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut
hekk, qal:
S «Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!»
K Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija
ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi;
dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu
u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu
Ġerusalemm miegħu.
Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet
is-Sibt, Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill,
li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal
quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu stagħġeb li kien
ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet.
Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’
Ġesù lil Ġużeppi, u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù
mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat;
imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. Marija ta’ Magdala
u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.