“Hu qam mill-imwiet.  U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom”

Il-Vanġelu tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu jiftaħ bil-mixja tan-nisa lejn il-qabar, maż-żerniq tal-għada tas-Sibt.  Huma jmorru fejn il-qabar, biex iweġġħu l-ġisem tal-Mulej, imma jsibuh miftuħ u vojt.  Anġlu ta’ qawwa liema bħalha jgħidilhom: “Tibżgħu xejn intom!” (Mt 28:5), u jordnalhom imorru jwasslu l-aħbar lid-dixxipli: “Hu qam mill-imwiet.  U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom” (v. 7).  In-nisa minnufih imorru jħaffu, u tul it-triq Ġesù nnifsu jiltaqa’ magħhom u jgħidilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemm” (v.10).   “Tibżgħu xejn”: hu leħen li jqawwilna qalbna biex nilqgħu din il-bxara.

Wara l-mewt ta’ l-Imgħallem, id-dixxipli kienu ħarbu u xterdu; il-fidi tagħhom tfarrket, kollox kien jidher spiċċa, theżżu ċ-ċertezzi, intfew it-tamiet.  Imma issa, dik il-bxara tan-nisa, anki jekk donnha ma titwemminx, waslet bħal raġġ ta’ dawl fid-dalma.  Tinfirex l-aħbar: Ġesù qam, kif kien qal…  U anki dik l-ordni biex imorru l-Galilija; għal darbtejn fuq xulxin semgħuha n-nisa, l-ewwel minn fomm l-anġlu, imbagħad minn Ġesù nnifsu: “Jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.  “Tibżgħu xejn” u “morru l-Galilija”.

Il-Galilija hi l-post ta’ l-ewwel sejħa, fejn kien beda kollox!  Jerġgħu lura hemm, jerġgħu lura lejn il-post ta’ l-ewwel sejħa.  Fuq ix-xatt ta’ l-għadira kien għadda Ġesù, waqt li s-sajjieda kienu qed iħejju x-xbiek tagħhom.  Hemm kien sejħilhom, u huma telqu kollox u marru warajh (ara Mt 4:18-22).

Jerġgħu lura l-Galilija jfisser jerġgħu jaqraw il-ġrajja sħiħa billi jitilqu mis-salib u mir-rebħa; bla biża’, “tibżgħu xejn”.  Jaqraw kollox mill-ġdid – il-predikazzjoni, il-mirakli, il-komunità ġdida, il-ħeġġa u t-telqa, sat-tradiment – jerġgħu jaqraw kollox billi din id-darba jitilqu mill-aħħar, li hu bidu ġdid, minn dan l-ogħla att ta’ mħabba.

Għal kull wieħed u waħda minna wkoll hemm “Galilija” fil-bidu tal-mixja tagħna ma’ Ġesù.  “Immorru l-Galilija” ifisser xi ħaġa sabiħa, għalina jfisser niskopru mill-ġdid il-Magħmudija tagħna bħala għajn ħajja, niksbu enerġija ġdida mill-għeruq tal-fidi tagħna u ta’ l-esperjenza Nisranija tagħna.   Immur il-Galilija jfisser qabel xejn nerġa’ lura hemm, f’dak il-punt ibaqbaq bil-passjoni li fih il-Grazzja ta’ Alla messitli qalbi fil-bidu tal-mixja tiegħi.  Hu minn dik ix-xrara li nista’ nqabbad in-nar għal-lum, għal kull ġuranta, biex inwassal is-sħana u d-dawl lil ħuti.  Minn dik ix-xrara jinxtegħel ferħ umli, ferħ li ma joffendix lin-niket u lid-disperazzjoni, ferħ twajjeb u ħelu.

Fil-ħajja tan-Nisrani, wara l-Magħmudija, hemm anki “Galilija” oħra, “Galilija” iżjed eżistenzjali: l-esperjenza tal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu, li sejjaħli biex nimxi warajh u nieħu sehem fil-missjoni tiegħu.  F’dan is-sens, li nerġa’ lura lejn il-Galilija jfisser inħares fil-qalb tiegħi t-tifkira ħajja ta’ din is-sejħa, meta Ġesù għadda mit-triq tiegħi, ħares lejja bi ħniena, u talabni nimxi warajh; nerġa’ lura l-Galilija jfisser nirkupra mill-ġdid it-tifkira ta’ dak il-waqt meta għajnejh iltaqgħu ma’ tiegħi, il-waqt li fih ġagħalni nħossni li Hu jħobbni.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading