L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Araw, għad jiġi żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda;
mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom
fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom
biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru,
għalkemm jien kont l-għarus tagħhom,
oraklu tal-Mulej.
Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael
wara dawk il-jiem,
oraklu tal-Mulej.
Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Ma jgħallmux iżjed lil xulxin,
u ħadd ma jgħid lil ħuh: «Agħraf il-Mulej»,
għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,
oraklu tal-Mulej.
Għax jien naħfrilhom ħżunithom,
u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.
Salm Responsorjali
Rl. : Oħloq fija qalb safja, o Alla
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. Rl.
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek,
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Rl.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin jerġgħu lura lejk. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen
għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ
minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem
minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni,
sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja;
u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien
hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda
tal-Galilija, u talbuh: «Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.»
Filippu mar jgħid lil Indri, u mbagħad Indri u Filippu marru jgħidu
lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: «Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem
ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ
ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel
ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu
f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid
jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun
il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed
inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din
is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti
glorja lil ismek.»
Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: «Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’
nigglorifikah.»
In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed.
Oħrajn qalu: «Kellmu xi anġlu.» Ġesù wieġeb: «Dan il-leħen ma ġiex
għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa.
Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq
mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja».
Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.