L-Ewwel Qari
Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki
F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew
jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju
tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm.
U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u mill-għamara tiegħu,
il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom
bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin
tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma
saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux
jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’
Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha
kull ma kellha prezzjuż.
U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom
lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal uliedu, sa ma ġew
jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm
Ġeremija: «Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma
tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu
sebgħin sena.»
Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma
tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru,
sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha,
saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: «Dan jgħid Ċiru sultan
tal-Persja: “Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha tal-
art, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull
min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u
jitla’.”»
Salm Responsorjali
Rl. : Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!
F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha,
dendilna Ċ-Ċetri tagħna. Rl.
Għax hemm, dawk li ijassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna
stennew minna għana ta’ ferħ:
«Għannulna mill-għana ta’ Sijon.» Rl.
Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! Rl.
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull ferħ tiegħi! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li
biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana
ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi.
Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù,
biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu
bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.
Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa
tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.
Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri
tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: «Kif Mosè rafa’ s-serp
fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull
min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min
jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma
bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex
id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx
ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax
ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.
U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin
ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.
Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn
id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa
jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.»