L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Alla tkellem u qal dan kollu lill-poplu: «Jiena hu
l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar.
Ma jkollokx allat oħra għajri.
La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li
hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La
tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla
tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied
sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; imma
nagħder sal-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmadamenti tiegħi.
La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min
isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig. Ftakar
f’jum is-Sibt u qaddsu.
Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma
s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum
ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek,
il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt
ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm
fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u
qaddsu.
Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li
l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.
La toqtolx.
La tagħmilx adulterju.
La tisraqx.
La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.
La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew
il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma
għandu għajrek.»
Salm Responsorjali
Rl. : Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. Rl.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmadament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. Rl.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għal kollox. Rl.
Huma egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna
nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi;
iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa
l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.
Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija
ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm.
Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min
kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom
ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred
il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U
lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: «Warrbu dawn minn hawn,
u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!» Id-dixxipli ftakru
f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: «Il-ħeġġa għal darek fnietni.»
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: «X’sinjal se turina li inti tista’
tagħmel dan?» Ġesù weġibhom: «Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem
jien nerġa’ntellgħu.» Għalhekk il-Lhud qalulu: «Dan it-tempju ħa
sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?»
Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.
Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak
li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.
Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li
emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù,
min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd
u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess
kien jaf x’hemm fil-bniedem.