L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda.
Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda
kellhom kollox flimkien.
B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej
Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna.
Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma
jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur
iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox
skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.
Salm Responsorjali
Rl. : Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!
Ħa jgħidu wlied Iżrael: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu.” Rl.
Il-leminija tal-Mulej ‘il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt. Rl.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn
Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn
dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu
l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu
l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax
kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq
id-dinja: il-fidi tagħna.
Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù
hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù
Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li
jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli
kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù
u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal
hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.
Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier
bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u
qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom
ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom
meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna
lill-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka
tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi
fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu
kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma
Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq
idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”
Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù:
“Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu
u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex
intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex
bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.