Għal Ġiljaniżi żgur li kien miraklu li 25 sena ilu, propju fis-27 ta’Mejju 1990 ilqajna fosta lil Papa Ġwanni Pawlu II, illum Qaddis ! Kien miraklu għax dik il-laqgħa tal-Papa kellha ssir fl-universita’! Iżda xahar qabel ġie deċiż li ssir ġewwa il-knisja parrokkjali tagħna. Kien miraklu wkoll li fi żmien sitta u għoxrin ġurnata, l-knisja ġiet miżbugħa friska bl-għajnuna tal-kappillan u l-viċi ta’ dak iż-żmien, Fr Tony Agius u Fr Alex Beżżina, kif ukoll il-perit Richard England u għadd sabiħ ta’voluntiera.
Issa wara 25 sena minn din iż-żjara, għandna nżommu ħajja t-tifkira tagħha f’ħajjitna. Kif silet Dun Anton Sciberras fl-edizzjoni tal-Mixja ta’ wara ż-żjara tal-Papa fostna: “Għandna nibqgħu niftakruh għarkubbtejh taħt il-kurċifiss li jżejjen il-knisja tagħna, jitlob b’rasu mgħaddsa, ħalli jgħallimna li għandna nitolbu u kif għandna nitolbu.”