Il-Vanġelu tat-tielet Ħadd tal-Għid, hu dak tad-dixxipli ta’ Għemmaws (Luqa 24, 13-35). Dawn kienu żewġ dixxipli ta’ Ġesù, li, wara l-mewt tiegħu u wara li għadda s-Sibt, iħallu Ġerusalemm biex imorru lejn il-villaġġ bl-isem ta’ Għemmaws, qalbhom sewda u skuraġġiti. Tul it-triq, Ġesù rxuxtat jingħaqad magħhom imma huma ma jagħrfuhx.
Meta rahom dasqstant qalbhom sewda, l-ewwel jgħinhom jifhmu li l-passjoni u l-mewt tal-Messija kienu diġà fil-pjan t’Alla u mħabbrin fl-Iskrittura Mqaddsa, u b’hekk reġa’ ħeġġeġ in-nar tat-tama fi qlubhom.
Dak il-ħin id-dixxipli ħassew ġibda straordinarja lejn dak il-bniedem misterjuż u stednuh jibqa’ magħhom għal dak il-lejl. Ġesù aċċetta u daħal magħhom id-dar tagħhom. U meta kienu mal-mejda u Hu bierek il-ħobż u qasmu, għarfuh, imma Hu għeb minn quddiemhom, u ħalliehom mistgħaġbin.
Wara li kienu ġew imdawlin mill-Kelma, kienu għarfu lil Ġesù Rxoxt mill-qsim tal-ħobż, sinjal ġdid tal-preżenza tiegħu. U mill-ewwel ħassew il-bżonn li jmorru lura lejn Ġerusalemm, biex iwasslu l-esperjenza li kienu għexu, lid-dixxipli l-oħra, biex jgħidulhom li kienu ltaqgħu ma’ Ġesù u li kienu għarfuh mill-ġest tal-qsim tal-ħobż.
It-triq ta’ Għemmaws għalhekk, issir is-simbolu tal-mixja tal-fidi tagħna: l-Iskrittura u l-Ewkaristija huma l-elementi indispensabbli biex niltaqgħu mal-Mulej. Aħna wkoll, ta’ spiss, naslu għall-Quddiesa tal-Ħadd bil-preokkupazzjonijiet tagħna, bid-diffikultajiet u d-delużjonijiet… Kultant il-ħajja tferina u aħna mmorru bil-geddum lejn l-”Għemmaws” tagħna, u nagħtu daharna lill-pjan ta’ Alla. Nitbegħedu minnu.
Imma tilqagħna l-Liturġija tal-Kelma: Ġesù jispjegalna l-Iskrittura u jerġa’ jħeġġeġ fi qlubna n-nar tal-fidi u tat-tama, waqt li fit-Tqarbin itina l-qawwa: Il-Kelma t’Alla, l-Ewkaristija. Naqraw kuljum silta mill-Vanġelu u l-Ħadd immorru nirċievu l-Ewkaristija, nirċievu lil Ġesù.
Hekk ġara mad-dixxipli ta’ Għemmaws: semgħu l-Kelma, ħadu sehem fil-qsim tal-ħobż u minn qalbhom sewda u telliefa kif kienu qabel, imtlew bil-ferħ. Għeżież ħuti, il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija dejjem jimlewna bil-ferħ. Meta inti mdejjaq, aqbad il-Kelma t’Alla. Meta tħossok bla kuraġġ, aqbad il-Kelma t’Alla u mur il-Quddiesa tal-Ħadd biex titqarben, biex tieħu sehem fil-misteru ta’ Ġesù. Il-Kelma t’Alla, l-Ewkaristija, jimlewna bil-ferħ.
Bl-interċessjoni ta’ Marija Santissma nitolbu biex kull nisrani, hu u jgħix mill-ġdid l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws, speċjalment fil-quddiesa tal-Ħadd, jiskopri mill-ġdid il-grazzja tal-laqgħa mal-Mulej li tittrasforma, il-laqgħa mal-Mulej irxuxtat li hu dejjem magħna. Wara li nkunu tlifna t-triq dejjem hemm Kelma t’Alla li treġġgħana lura lejn dik it-tajba u fl-għeja tagħna u d-delużjonijiet dejjem hemm Ħobż maqsum li jgħinna nimxu ‘l quddiem fil-mixja tagħna.
Fr Claude