L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li
jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma
kinux emmnu li tassew ikkonverta.
Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu
qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif
f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.
Għalhekk Sawl baqa’ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u
kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. Kien jitħaddet mal-Lhud
Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.
Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu.
Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha;
kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied
fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Salm Responsorjali
Rl. : Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira
Irrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! Rl.
Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi. Rl.
Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!” Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u
bis-sewwa.
Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu
l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa
mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.
Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna
qawwija quddiem Alla, u kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu,
għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li
jogħġob lilu.
Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù
Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm
il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li
hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u
Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u
kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott
aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott
minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma
tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena
fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu
xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef;
imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u
jinħarqu.
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u
jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott
u tkunu dixxipli tiegħi.”