L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli. 10, 25-26. 34-35. 44-48.
X’ħin wasal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll!” U Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa qiegħed nifhem kemm hu veru li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ, imma jilqa’ ’l min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema ġens ikun.”
Waqt li Pietru kien għadu qiegħed igħid dan il-kliem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla. Imbagħad Pietru qal: “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-Magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?” U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.
Salm Responsorjali
Ritornell: IL-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.
Salm 97
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
Għax għamel l-għeġubijiet:
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu
U d-driegħ imqaddes tiegħu.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu,
Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu,
Għal dar Israel.
Raw it-truf kollha tal-art
Is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha
Infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
It-Tieni Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Evanġelista. 4, 7-10.
Għeżież, ejjew inħobbu lil xulxin, għax l-Imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehritilna l-Imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-Imħabba: mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna.
L-Evanġelju
Versett: Hallelujah! Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, igħid il-Mulej; u issieri jħobbu, u aħna niġu għandu. Hallelujah!
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann. 15, 9-17.
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-Imħabba teigħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi Mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi Mħabbtu.
Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikomm u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu.
Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi,jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltuni iżda jien għażiltkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu ħafna frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kul ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagġtihulkom. Dan hu li jiena qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xuxlin.”