It-Trinità Qaddisa – Solennita’

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi,
iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art,
fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk
kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm
poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar – bħalma smajt int
– u baqa’ ħaj?
Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor
b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id qawwija u bi driegħ
merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem
għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?
Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla,
kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx
ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu
li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix
żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem.”
 

Salm Responsorjali

 
Rl. : Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu
 
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. Rl.
 
Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Għax hu tkellem, u kollox sar;
hu ordna, u kollox seħħ. Rl.
 
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. Rl.
 
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. Rl.
 

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.
Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex
terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom
ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”
Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.
Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’
Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.
 
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien u li għad irid jiġi.
Rl. Hallelujah
 

Evanġelju

Għeluq tal-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq
il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.
Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.
Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa
fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha,
u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu,
u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena
magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”

About the author

Ikkummenta