Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha.
L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;
fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;
innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu.”
Salm Responsorjali
Rl. : Tajjeb li nfaħħru l-Mulej
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. Rl.
Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. Rl.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu
mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej – għax aħna
ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi
li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand
il-Mulej.
Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu
hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.
Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu,
ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta
kien għadu ħaj fil-ġisem.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu;
min isib lilu jgħix għal dejjem.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi
bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem,
billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art
trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad
il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu
għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.”
U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema
parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta
tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma
wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha,
u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu
jistkennu għad-dell tagħha.”
B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif
kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx
ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu
magħhom, kien ifissrilhom kollox.