L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Il-mewt mhux Alla għamilha;
u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin.
Hu ħalaq kollox biex jgħix;
għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja,
m’hemmx fihom velenu tal-mewt.
Is-saltna tal-mewt ma taħkimx fuq l-art,
għax il-ġustizzja ma taqax taħt il-mewt.
Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,
u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.
Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;
u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.
Salm Responsorjali
Rl. : Ngħollik, Mulej, għax erfajtni
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. Rl.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. Rl.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! Rl.
It-Tieni Qari
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, bħalma intom għonja f’kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u
fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom, hekk
għandkom tistagħnu f’din il-ħidma ta’ ħniena.
Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani,
ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar
tiegħu.
Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa’ kollu fuqkom, imma
kulħadd indaqs. Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb
għan-nieqes ta’ dawk li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad
ikun jista’ jpatti għan-nieqes tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs,
bħalma hu miktub: “Min ġabar ħafna ma sabx iż-żejjed, u min ġabar
ftit ma baqax bin-nieqes.”
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt
l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira
ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan,
malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira
waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.” U Ġesù
telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija
tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma
kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.
Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u
messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu
nkun imfejqa.” F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u
ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.
Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn
il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu:
“Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: “Min
messni?”” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet
għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet
x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U
qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa
mill-marda tiegħek.”