L-Ewwel Qari
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-Salisa, u ġieb
lir-ragel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli
qamħ ġdid.
Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu.” Imma l-qaddej tiegħu
wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?” Raġa’ qallu Eliżew:
“Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: “Mhux biss jieklu,
imma jifdal ukoll.””
Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom,
bħalma qal il-Mulej.
Salm Responsorjali
Rl. : Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. Rl.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. Rl.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Rl.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa
skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha,
bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin.
Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem
wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda;
Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u
Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna, u
Alla żar il-poplu tiegħu.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija,
jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien
jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad
hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa
tal-Lhud.
Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu:
“Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” Dan qalhulu
biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu:
“Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed
minnhom jieħu xi ftit.” Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indri, ħu Xmun
Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u
żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”
Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda.”
Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest
elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u
qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut,
u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.” Marru jiġbruhom,
u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames
ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu:
“Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!” Imma Ġesù,
meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan,
raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.