Il-konklużjoni tal-kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mattew huwa ddedikat għall-parabboli tas-Saltna t’Alla (13, 44-52). Fost dawn hemm żewġ kapulavuri żgħar: il-parbboli tat-teżor moħbi fl-għalqa u tal-ġawrha li tiswa ħafna. Dawn jgħidulna li s-Saltna t’Alla nistgħu niskopruha ħin bla waqt kif ġara lill-bidwi li kien qed jaħrat, li jsib it-teżor bla mistenni; inkella wara tiftix kbir, kif ġara lin-neguzjant tal-ġawhar li fl-aħħar sab il-ġawrha prezzjuża ħafna li kien ilu żmien joħlomha. Imma kemm f’każ u kemm fl-ieħor jibqa’ l-fatt li t-teżor u l-ġawrha jiswew aktar mill-oħrajn kollha, u għalhekk, il-bidwi u n-neguzjant, meta jsibuhom, jiċċaħdu minn kollox biex ikunu jistgħu jiksbuhom. M’għandhomx għalfejn joqogħod jġibu raġunamenti, jew joqgħodu jaħsbuha: jagħrfu mill-ewwel il-valur inkomparabbli ta’ dak li jkunu sabu u huma lesti li jitilfu kollox basta jiksbuh.
L-istess għas-Saltna t’Alla: min isibha m’għadnux dubji, iħoss li sab dak li kien qed ifittex, li kien qed jistenna u li hu t-tweġiba għall-aspirazzjonijiet l-aktar awtentiċi tiegħu. U hekk hu verament: min jaf lil Ġesù, min jiltaqa’ miegħu personalment, jibqa’ affaxxinat, miġbud lejn it-tjubija, tant verità, tant ġmiel….. u dan kollu f’umiltà kbira u fis-sempliċità
Kemm persuni, kemm qaddisin irġiel u nisa, li qraw l-Evanġelju b’qalb miftuħa, intlaqtu tant minn Ġesù, li kkonvertew lejH. Naħsbu f’San Franġisk ta’ Assisi: kien diġà Nisrani, imma Nisrani tal-kumdità. Meta qara l-Evanġelju, f’mument deċiżiv ta’ żgħożitu, iltaqa’ ma’ Ġesù u skopra s-Saltna t’Alla, u allura, il-ħolm kollu ta’ did-dinja li kellu, sparixxa. L-Evanġelju jgħinek issir taf lill-veru Ġesù ħaj: ikellem lil qalbek u jibdillek ħajtek. Tista’ effettivament tibdel l-istil ta’ ħajtek, jew inkella tkompli tagħmel dak li kont tagħmel qabel, imma int tkun bniedem ieħor, titwieled mill-ġdid: sibt dak li jagħti s-sens, dak li jagħti t-togħma, li jdawwal kollox, anki t-tagħbijiet tal-ħajja, anki s-sofferenza u l-mewt ukoll.
Kollox jibda’ jagħmel sens meta fl-Evanġelju ssib dan it-teżor li Ġesù jsejjaħlu “s-Saltna t’Alla”, jiġifieri Alla li jsaltan f’ħajtek, f’ħajjitna; Alla li hu mħabba, paċi u ferħ f’kull bniedem u fil-bnedmin kollha. Dan irid Alla, din hi r-raġuni għaliex Ġesù ta lilu nnifsu, biex jeħlisna mis-setgħa tad-dlamijiet u jeħodna fis-saltna tal-ħajja, tal-ġmiel, tat-tjubija, tal-ferħ. Meta naqraw l-Evanġelju nsibu lil Ġesù u jkollna l-ferħ Nisrani li hu don tal-Ispirtu s-Santu.
Għaldaqstant in-Nisrani ma jistax iżomm il-fidi tiegħu mistura, għax din tidher f’kull kelma li jgħid, f’kull ġest anki dak l-aktar sempliċi u komuni: fih tidher l-imħabba li Alla tana permezz ta’ Ġesù.
Fr Claude