Liturġija-L-Imqaddsa Marija Mtellgħa fis-Sema

Quddiesa tal-Vġili

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Kronaki

U David laqqa’ lill-poplu ta’ Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex italla’ l-arka tal-Mulej f’postha li kien ħejja għaliha. U David laqqa’ lil ulied Aron u ’l-Leviti.

U l-Leviti ġarrew l-arka ta’ Alla bil-lasti fuq spallejhom, kif kien ordna Mosè skont il-kelma tal-Mulej. U David ordna lill-kapijiet tal-Leviti li jqassmu ‘l ħuthom, il-mużiċisti bl-istrumenti tad-daqq – arpi, ċetri, ċnieċel – u jgħollu u jsemmgħu leħinhom għoli b’sinjal ta’ ferħ.

U hekk ġiebu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqaf għaliha David, u offrew sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem Alla. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

. Qum, Mulej, u ejja lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Araw, smajna bl-Arka f’Efrata, Sibnieha fir-raba’ ta’ Gagħar Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh!

. Qum, Mulej, u ejja lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek. Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek, twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.

. Qum, Mulej, u ejja lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Għax il-Mulej għażel ‘il Sijon, u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!”

. Qum, Mulej, u ejja lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.

Ħuti:

Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub, “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”

In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies: kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”  Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”

Il-Kelma tal-Mulej

QUDDIESA TAL-JUM

Qari mil-Ktieb tal-Apokalissi.  

Infetaħ it-tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-Arka tal-Patt tiegħu fit-tempju tiegħu.

U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles. Mbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ dijademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha post imħejji minn Alla, U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.

Salm Responsorjali

F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk;

f’lemintek is-sultana mżejjna b’deheb ta’ Ofir.

R.F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Isma’, binti, ħares u agħti widen, insa ‘l ġensek u ‘l dar missierek.

R.F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; u int, għax hu sidek, agħtih qima.

R.F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b’għajat ta’ ferħ u hena; jidħlu fil-palazz tas-sultan.

R.F’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.

Ħuti:Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

Il-Kelma tal-Mulej.

L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Imbagħad qalet Marija:

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”

Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

Il-Kelma tal-Mulej

 

About the author

Ikkummenta